Il-miżura tat-tapering, qed tħalli l-frott. Dan hekk kif persuni li sabu xogħol u gawdew mit-tapering, wara li għaddew it-tliet snin tat-tapering, se jibqgħu jaħdmu.
Stqarr dan is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali Mark Musù.
Spjega li “Min kien minn tal-bidu biex ngħid hekk, minn kien minn tal-ewwel sena, it-tliet snin tapering issa għaddewlu.. is-sabiħ ta’ din il-miżura huwa li issa dawn il-persuni illi kienu daħlu fid-dinja tax-xogħol u bdew jonqsulhom il-benefiċċji ftit ftit illum il-ġurnata baqgħu fid-dinja tax-xogħol.”
Fil-fatt, dan il-benefiċċju, li introduċa dan il-Gvern, fisser li persuni fuq il-benefiċċju tal-qgħad u li jsibu xogħol, jibqgħu igawdu minn persentaġġ tal-benefiċċji għal tliet snin sħaħ fl-istess waqt li jkunu qed jaħdmu.
Musù qal li l-elfejn u ħmistax kienet sena fejn “il-miżura tat-tapering splodiet”, u dawk il-persuni li gawdew minn dan il-benefiċċju issa waslu biex jgħaddulhom it-tliet snin ta’ benefiċċji.
Musù qal li “Din il-miżura hija waħda li għamlet suċċess kbir, laħqet peak ta’ madwar elf u mitejn persuna iġifieri.. u minħabba li qed jonqsu n-nies min fuq il-benefiċjji soċjali, dak il-peak jibda’ jonqos bil-mod il-mod.”
Fi kliem Musù, dawn l-inizjattivi jidher li ħadmu sew, hekk kif fl-elfejn u tnax, l-ammont ta’ persuni fuq il-benefiċċji soċjali kien jammonta għal iktar minn sbatax-il elf persuna. Numru li f’ħames snin, tniżżel għal inqas minn disat elef persuna.