Filwaqt li l-miżura tal-Covid Wage Supplement se tiġi estiża sa Ġunju li ġej, din mhux se titwaqqaf ħesrem fl-aħħar ta’ Ġunju hekk kif in-negozji l-aktar milquta se jibqgħu jingħataw l-għajnuna massima ta’ €800 sal-aħħar ta’ din is-sena minħabba l-impatt tal-pandemija.
Dan bi spiża ta’ madwar €200 miljun.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli, hekk kif provdiet l-ewwel d-dettalji dwar l-iskema tal-Covid Wage Supplement wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-estensjoni tagħha.
Il-Ministru Dalli spjegat li dawk li se jiġu mgħejjuna wara Ġunju se jkunu ddeterminati skont it-tnaqqis fil-attività kummerċjali tagħhom.
Qalet kif, “Il-Wage Supplement se jibqa’ għaddej bis-sistema kif inhi bħalissa sa Ġunju imma qed nara li nipprovdu l-viżibilità lill-intrapriżi u anke l-ħaddiema. Fil-fatt, sa Diċembru se nkunu qegħdin ngħatu l-għajnuna massima li qed ngħatu llum il-ġurnata lil dawk l-intrapriżi li huma l-agħar milquta biex ikomplu jżommu l-ħaddiema magħhom.”
Il-Ministru Dalli spjegat ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru miżuri u inizjattivi mmirati li jnaqqsu d-dipendenza tan-negozji fuq il-Covid Wage Supplement.
Spjegat, “L-intrapriżi l-oħrajn ser ikunu qegħdin f’diskussjonijiet mal-istakeholders biex naraw li l-Wage Supplement jingħata b’mod gradwali u fl-istess ħin jiġu ntrodotti miżuri u inċentivi biex jgħinuhom jirriġeneraw, jikbru u joħolqu iktar impjiegi.”
Intant dawk li kellhom jagħlqu minħabba l-miżuri l-ġodda li tħabbru fosthom ir-ristoranti u stabbilimenti, se jkunu qed jikkwalifikaw għas-sussidju sħiħ.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana spjega li l-ispiża tal-Covid Wage Supplement is-sena li għaddiet laħħqet it-€360 miljun. Dan huwa ekwivalenti għal ftit inqas minn 3% tal-prodott domestiku gross.
Fil-fatt, il-Ministru Caruana sostna li kieku l-Gvern ma intervjeniex b’miżuri bħal dik tal-Covid Wage Supplement, it-tnaqqis fil-prodott domestiku gross, kien ikun sostanzjalment aktar fl-aħħar sena.
Fl-2020 dan naqas b’madwar 7%.
Qal, “Li kieku l-Gvern ma intervjeniex bil-mod kif għamel bil-Covid Wage Supplement kieku żgur u mhux forsi t-tnaqqis li rajna fil-prodott gross domestiku minħabba l-pandemija kien ikun ikbar. Għaldaqstant minħabba li għamilna l-Wage Supplement rajna li dik l-injezzjoni diretta fl-ekonomija tagħna wasslet biex id-daqqa tagħna li sofrejna tnaqqset bi 33%.”
Matul il-pandemija tilfu xogħolhom madwar 5,000 ruħ, madankollu sal-lum fadal biss 400 persuna li qed jirreġistraw biex isibu xogħol, temm jispjega l-Ministru Caruana hekk kif sostna l-impatt qawwi u pożittiv ta’ din il-miżura.