Il-Ħamis filgħaxija ngħata bidu għal sensiela ta’ workshops bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’ organizzati mill-Partit Laburista, bl-ewwel wieħed jittratta t-tema tal-festi f’pajjiżna.
Dan il-workshop, li sar fil-Każin tal-Banda ta’ San Ġorġ f’Bormla, ta widen lill-attivisti kollha, partikolarment dawk li b’xi mod jew ieħor jagħmlu parti mill-festi tradizzjonali Maltin.
Preżenti man-nies kien hemm il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, li fil-bidu u fl-aħħar tal-attività għamel l-intervent tiegħu u qal li l-idea wara din l-attività hi li tittratta s-suġġett tal-festa Maltija, għax dan hu Gvern li jemmen fit-tradizzjonijiet Maltin, il-volontarjat, l-identità unika li għandna aħna l-Maltin u dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tagħlim tal-mużika.
Fil-fatt il-Prim Ministru, hawnhekk, aċċenna li l-volontarjat f’dan il-qasam għandu jiġi rikonoxxut hekk kif persuna qed tagħti l-ħin tagħha biex ittejjeb il-komunità.
“Hu grazzi għal nies bħalkom li tagħtu mill-ħin liberu tagħkom biex ittejbu l-ħajja tal-komunità. U hawnhekk naċċenna fuq l-element importanti tal-volontarjat. X’inhu l-volontarjat? Li inti qiegħed tagħti l-ħin tiegħek biex ittejjeb il-komunità, biex ittejjeb is-soċjetà ta’ madwarek. Intom qed tagħmluha bil-parteċipazzjoni tagħkom fil-festi, fit-tagħlim tal-mużika, fil-kontribut tal-każini diversi u dik hi xi ħaġa li jiena verament nammiraha. Għax tfisser l-altruwiżmu, tfisser li ma tqisx lilek innifsek l-ewwel, imma tpoġġi lil ħaddieħor qablek innifsek.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant, waqt dan il-workshop saru diversi interventi oħrajn min-nies li għandhom opinjonijiet importanti dwar is-suġġett.
Fost dawn, ONE News tkellem ma’ Duncan Brincat, Chairperson tal-Kummissjoni Għaqda Każini tal-Banda, li ħadem qatigħ biex il-festa Maltija tiġi rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
Brincat spjega li, minn surveys li għamlu matul iż-żmien, ħareġ kif in-nies iqisu l-festa Maltija bħala l-aktar ħaġa importanti fl-aspett kulturali Malti u għalhekk l-idea tal-applikazzjoni biex il-festa tiġi rikonoxxuta mill-UNESCO, ġiet xprunata minn dan.
“Bl-idea anke li mhux biss nuru l-importanza ta’ din il-festa, imma flimkien nissalvagwardjaw dak li verament isawwaraha. Jiġifieri l-aspett tradizzjonali tagħha, kull sena jikbru aktar maż-żminijiet, imma jibqgħu tradizzjonali fil-format veru tagħhom. U dan wassalna biex flimkien naħdmu, komunità kbira ta’ persuni ma’ Malta u Għawdex kollha li jaħdmu għal din il-festa importanti. Fil-fatt nistgħu ngħidu li attivitajiet bħal dawn iwasslu biex persuni bħalna anke jsemmgħu leħinhom iżjed biex dan l-oġġett tant importanti fil-kultura Maltija nieħdu ħsiebu”.
Duncat Brincat – Chairperson, Kummissjoni Għaqda Każini tal-Banda
Sandro Borg li, fl-intervent tiegħu tkellem dwar il-fondi li ngħataw lill-każini u istituzzjonijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-festi Maltin u Għawdxin, enfasizza l-fatt li attivitajiet bħal dawn huma kruċjali biex wieħed isemma’ leħnu.
“Hu importanti għax, bħal-lum, tiltaqa’, kulħadd jgħid dak li jixtieq, il-problemi li jkun hemm, għax problemi dejjem ikun hemm. Li jissolvew hi l-isbaħ ħaġa mhux hekk.”
Sandro Borg – mis-Soċjetà Mużikali Santa Katarina
Fl-aħħar tkellimna wkoll, mal-President tal-Banda ta’ San Lawrenz tal-Birgu, li ttratta dwar diversi temi, fosthom dwar l-investiment b’saħħtu li sar fil-każini tal-banda u tenna li kieku ma sarx hekk dawn il-każini kienu jintilfu għal dejjem.
“Irringrazzjajt lill-Gvern tal-fondi li għamel disponibbli lill-għaqdiet tagħna fuq il-festi, speċjalment fil-qasam tiegħi tal-każini tal-banda, għax kieku mingħajr dawn il-fondi tul id-diversi aġenziji żgur ma konniex nagħmlu l-qabża, speċjalment f’dak li hu tagħlim mużikali. Laqgħat bħal dawn huma tajbin, għax niltaqgħu kollha flimkien, inwaslu l-messaġġ dirett u min-naħa tal-politiċi jħossu l-polz b’mod dirett għalina d-dilettanti u l-attivisti li nagħtu ħajjitna u ħina wara x-xogħol mal-familja fil-każini u l-għaqdiet rispettivi.”
Bjorn Callus – President tal-Banda Vittoriosa San Lawrenz