Min-nhar it-Tnejn li ġej dawk il-persuni li ħadu l-booster u li jkunu fuq barra u mhux f’ġemgħa ta’ nies, m’għandhomx għalfejn jilbsu l-maskra.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet waqt li ta aġġornament tas-sitwazzjoni tal-imxija f’pajjiżna.
Hawnhekk huwa spjega wkoll kif min-nhar it-Tnejn li ġej se titneħħa r-restrizzjoni tad-distanza bejn l-imwejjed u s-siġġijiet fl-istabbilimenti.
Fejn jidħlu l-avvenimenti organizzati, Chris Fearne spjega li n-nies iridu jibqgħu bilqiegħda.
Ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn li ġej l-avvenimenti sportivi se jkunu jistgħu jilqgħu l-ispettaturi li jkollhom ċertifikat tal-vaċċin validu.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li ċertu rilaxx ta’ miżuri huwa possibbli hekk kif sa tmiem il-ġimgħa li ġejja, pajjiżna mistenni jkun laqqam 70% tal-adulti bil-booster.
Kif kien imħabbar, mit-Tnejn li ġej ukoll il-pubbliku jrid jibda jippreżenta ċertifikat validu tal-vaċċin, sabiex jitħalla jidħol f’ċertu postijiet, fosthom f’bars, ristoranti, każini, snackbars u gyms.
Id-Deputat Prim Ministru nnota li miżuri simili ġew introdotti f’pajjiżi oħra Ewropej, fosthom fil-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Greċja, l-Awstrija u l-Portugall.
Fid-dawl tal-miżura ta’ ċertifikat validu, il-Ministru għas-Saħħa ħabbar diversi eċċezzjonijiet.
“Se nkunu qed nagħmlu eċċezzjoni għal dawk il-persuni li ttestjaw pożittiv dan l-aħħar u allura għax kienu pożittivi ma setgħux jieħdu l-booster, dawn il-persuni jekk ovvjament ikunu ħadu l-ewwel u t-tieni tilqima dawn se jkollhom eċċezzjoni ta’ sitt ġimgħat minn mindu ħarġu pożittivi biex b’hekk ma jkollhomx għalfejn juru ċ-ċertifikat tat-tilqim biex jidħlu fl-istabbilimenti li semmejna.”
Eċċezzjoni oħra se tkun fejn jidħol l-ivvjaġġar.
Fil-fatt, persuni residenti Malta u li jinsabu barra l-pajjiż, se jkunu jistgħu jidħlu f’Malta mingħajr it-tielet doża. Din il-miżura se tibqa’ fis-seħħ sal-ewwel ta’ Frar.
Fejn jidħlu dawk il-persuni li ilhom għal perjodu ta’ tul barra minn Malta minħabba xogħol jew studju, u ma jkunux tlaqqmu, dawn anke wara l-ewwel ta’ Frar, mhux se jkollhom għalfejn jagħmlu kwarantina.
Fil-konferenza ġie spjegat ukoll kif l-impjegati fl-istabbilimenti li se jkollhom kuntatt mal-klijent b’mod dirett, fosthom waiters, dawn se jiġu mitluba li jkollhom ċertifikat tal-vaċċin validu.
Fearne saħaq li dawn se jingħataw ċans sal-ewwel ta’ Frar sabiex jitlaqqmu u b’hekk jaġġornaw iċ-ċertifikat tagħhom.
Min-naħa l-oħra, dawk il-persuni li ma jkunux f’kuntatt mal-klijenti, mhux se jkollhom l-obbligu li jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Spjega li naturalment li għall-persuni ta’ taħt it-18-il sena, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun validu mingħajr il-booster, sabiex dawn ukoll jidħlu fl-istabbilimenti.
Tfal ta’ taħt it-tnax-il sena mhux se jkollhom bżonn juru xi forma ta’ ċertifikat.
Min-naħa l-oħra, nisa li jkunu fl-ewwel tliet xhur tat-tqala tagħhom, lanqas għandhom għalfejn juru ċertifikat.