Fl-ewwel jum ta’ Lulju se tiftaħ il-bibien tagħha Skolasajf, kważi ħmistax qabel is-soltu.
Biex il-ġenituri kollha jingħataw l-opportunità japplikaw għal uliedhom, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tiftaħ l-applikazzjonijiet bejn il-Ħamis 4 ta’ Ġunju u t-Tlieta 9 ta’ Ġunju.
Bħalma qed jiġri f’kull entità oħra li reġgħet fetħet il-bibien tagħha fl-aħħar jiem, fi Skolasajf ukoll se jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji marbuta ma’ distanza soċjali u iġjene.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni: “Waqt li ssoltu Skolasajf jiftaħ f’nofs Lulju, din id-darba se jiftaħ mill-ewwel ta’ Lulju biex b’hekk nagħtu servizz aħjar għall-ġid ta’ dawk il-ġenituri li jkollhom bżonn li t-tfal tagħhom jieħdu s-servizz ta’ Skolasajf.”
Tul il-jum, issoktaw ukoll id-diskussjonijiet marbuta mal-preparamenti għall-ftuħ taċ-ċentri ta’ ħarsien tat-tfal b’effett mill-Ġimgħa li ġej, kemm dawk li jiffurmaw parti mill-iskema ta’ childcare b’xejn u anki dawk immexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
Il-Ministru Bonnici kompla jispjega: “Ħa nimxu fuq l-esperjenza pożittiva ħafna li diġà kellna fiċ-childcare ta’ San Ġwann għax aħna kellna childcare li baqa’ miftuħ tul il-kwistjoni kollha tal-COVID-19 u allura n-nies m’għandhomx għalfejn jibżgħu għaliex diġà għandna blueprint li ħadem u ħadem tajjeb ħafna.”
Il-Ministru Owen Bonnici fakkar li l-benefiċċji li kienu qed jingħataw tul il-pandemija, se jibqgħu jingħataw anki matul dan ix-xahar, għal dawk il-ġenituri li jixtiequ jibqgħu ma’ uliedhom sakemm tiftaħ Skolasajf.
Huwa qal: “Irrid infakkar li l-Gvern ħabbar diġà li dawk il-benefiċċji li kienu jingħataw se jibqgħu jingħataw anki matul dan ix-xahar li hija ħaġa pożittiva ħafna u se tgħin biex il-familji jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin fil-vjaġġ lejn in-normalita. Issa jistgħu jippjanaw, jafu s-servizzi li l-Gvern se jkun qed joffri u jafu wkoll l-għajnuniet li l-Gvern baqa’ jagħti u jiena nemmen li din hija turija ta’ Gvern li jagħti każ il-familji u qiegħed jinvesti biex il-familji jmorru ’l quddiem.”
L-applikazzjonijiet għal Skolasajf se jintlaqgħu skont l-ordni li daħlu, u biex wieħed japplika għandu jmur fuq is-sit www.services.fes.gov.mt jew fil-fergħat tal-posta.