Mill-elfejn u tlettax sa Lulju li għadda n-numru ta’ persuni li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali u l-benefiċċju tal-qgħad naqas bi tmient elef, sitt mija u ħamsa u erbgħin.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon qal li r-rata ta’ dawk li jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad naqset b’disgħin fil-mija.
Il-Ministru Falzon għamel referenza wkoll għal ċifri notevoli ta’ tnaqqis ta’ persuni dipendenti fuq l-għajnuna soċjali mill-bidu tal-pandemija sal-lum.
Filwaqt li f’Marzu tas-sena l-oħra, meta feġġ l-ewwel każ tal-Coronavirus f’pajjiżna, kien hawn sitt elef mija wieħed u tmenin persuna jirċievu l-benefiċċji soċjali, sal-aħħar tax-xahar li għadda kien hawn sitt elef u tmintax-il persuna.
Dan ifisser tnaqqis ta’ ftit aktar minn mija u sittin ruħ fuq medda ta’ sittax-il xahar.
Fil-benefiċċju tal-qgħad ukoll kien hawn tnaqqis mill-bidu tal-pandemija sal-lum.
Dan hekk kif filwaqt fis-sebgħa ta’ Marzu tas-sena l-oħra kien hawn ħames mija u tnejn u sittin persuna jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad, sal-aħħar ta’ Lulju kien hawn erba’ mija u wieħed u ħamsin persuna jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad.
Il-Ministru Falzon qal li wara dawn iċ-ċifri hemm persuni u familji li gawdew mir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern.
“L-iktar ħaġa importanti mhux biss is-suċċess ekonomiku li kellna bħala pajjiż f’dan l-aħħar tmien snin imma kemm dak is-suċċess ekonomiku twasslu lin-nies.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali, Mark Musù tenna li dan it-tnaqqis mhux biss attribwit għal ġid ekonomiku li rat Malta fl-aħħar tmien snin, iżda anke minn inċentivi li ħarġu.
“Naturalment kellek tkabbir ekonomiku bla preċedent u allura nħolqu numru kbir ta’ impjiegi u b’hekk kien iktar faċli għal dak li jkun biex wieħed isib impjieg, pero dan biss waħdu ma kienx biżżejjed allura kien hemm pakkett ta’ miżuri u inċentivi sabiex min kien jgħix fuq il-benefiċċji soċjali għamilnihielu jaqbillu biex jidħol fid-dinja tax-xogħol.”