L-iktar persuni li x’aktarx jilagħbuhom huma dawk b’livell sekondarju jew inqas ta’ edukazzjoni u dawk li mhux attivi fis-suq tax-xogħol. Stħarriġ ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa dwar il-logħob f’pajjiżna wera wkoll li huma dawk fl-età ta’ 45 sena jew iktar l-iktar li hemm ċans li jonfqu fuq il-logħob u l-qofol jintlaħaq meta tinqabeż l-età ta’ 60 sena.
56% tal-popolazzjoni Maltija minn 18–il sena ’il fuq tilgħab u dawn il-karatteristiċi m’għandhomx jitqiesu bħala l-uniċi ta’ min jilgħab f’pajjiżna. Id-differenza enormi imbagħad tidher fit-tip ta’ logħob li jintlagħab. Filwaqt li dawk iżgħar fl-età (18-24) għandhom it-tendenza jmorru għal remote gaming u casino, hemm iktar bilanċ fost dawk fl-etajiet ta’ bejn 25 u 44 sena.
L-istħarriġ juri wkoll ċerti xejriet soċjali u jikkonferma kif ċertu logħob iwassal biex dak li jkun jinqata’ għalih waħdu. Filwaqt li 46% jilagħbu logħob li jkun disponibbli b’xejn huma biss 20% li jagħmlu dan ma’ sħabhom. Dawk li lagħbu dan it-tip ta’ logħob f’xi każin jew ċentru fir-raħal kien għal 2% biss tal-popolazzjoni. Il-logħob online kien l-iktar popolari fost il-logħob li jintlagħab b’xejn, segwew il-logħob tal-karti u l-board games. Anke min jilgħab għal flus għandu t-tendenza jilgħab waħdu. Fil-fatt kienu biss 3% ta’ dawk intervistati fl-istħarriġ li qalu li għamlu dan mal-ħbieb.
L-istħarriġ ma jindikax li dawk li jilagħbu qed jiffaċċjaw problemi kbar. Però dan ma jfissirx li l-logħob ma jikkawżax problemi soċjali. L-indikazzjonijiet ta’ dan l-istħarriġ huma li l-logħob illegali u ta’ fuq l-idejn joħolqu l-agħar effett. L-Awtorità Maltija għal-Logħob tgħid li dan għandu jkun studjat iktar. Fil-fatt fl-istħarriġ tagħha l-MGA nnotat kif anke l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fis-settur iħeġġu għal iktar studji kwalitattivi biex ikunu mifhuma aħjar il-problemi marbuta mal-vizzju partikolarment għal dawk li ġejjin minn sfond vulnerabbli.
€125 – Il-miljuni milgħuba mill-popolazzjoni Maltija fl-2015. Dan ifisser 2.8% tan-nefqa tad-djar Maltin
56% – L-ammont ta’ popolazzjoni li għandha 18–il sena jew iktar li tonfoq il-flus fuq xi attività ta’ logħob
46% – Il-perċentwal tal-popolazzjoni li tilgħab logħob mingħajr ħlas
40 – In-numru medju ta’ minuti iddedikati fuq il-logħob kull ġimgħa għal kull persuna
1230 – Kemm jintefqu bħala medja għal kull persuna li tilgħab
L-MGA tiffinanzja l-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli u dawk li jħossu li għandhom bżonn l-għajnuna jistgħu jagħmlu dan billi jċemplu fuq 1777.