Mis-sena d-dieħla persuni b’diżabilità severa li assolutament ma jistgħux jaħdmu se jibdew jirċievu l-ekwivalenti tal-paga minima nazzjonali.
Fil-Budget imressaq għall-elfejn u għoxrin dawk b’diżabilità severa se jibdew jirċievu ftit aktar minn mija u sittin ewro fil-ġimgħa bħala parti mill-pensjoni tad-diżabilità.
Dan ifisser li minn Jannar li ġej, dawk b’diżabilità severa se jirċievu żieda ta’ ħdax-il ewro fil-ġimgħa minn dak li qed jirċievu bħalissa.
Fil-Budget, il-Gvern qal li din il-miżura tassew b’ruħ soċjali se jibbenefikaw minnha sitta mija u ħamsin persuna.
Il-Gvern se jgħin ukoll fix-xiri t’apparat speċjali li jagħmlu użu minnu l-persuni b’diżabilità.
Preżentament il-Gvern jagħti għotja biex tkopri parti sostanzjali tal-VAT li jkun tħallas fuq l-apparat inkwistjoni.
Mis-sena d-dieħla din l-għotja se tiżdied b’erba’ mitt ewro biex b’hekk il-massimu tal-għotja se titla’ għal elf ewro.
Il-Gvern fetaħ idu wkoll sew mal-familji li jkunu għaddejjin minn sfidi f’ħajjithom minħabba l-mard.
Fil-fatt dawk il-ġenituri li jkollhom uliedhom b’mard rari jew b’diżabilità severa u allura għal xi żmien jieqfu jaħdmu, se jkollhom sa tmien snin kontribuzzjonijiet imħallsa.
Dan ifisser li dawn il-ġenituri li jkunu waqfu jaħdmu minħabba sfidi li jkunu għaddejjin minnhom l-għeżież tagħhom, meta jiġu biex jirtiraw xorta se jkollhom pensjoni xierqa għax il-Gvern se jagħmel tajjeb għall-kontribuzzjonijiet.
Il-benefiċċju tal-mard se jingħata wkoll mill-ewwel jum lil dawk li jkunu għaddejjin minn trattament tal-kanċer.
Dan għall-kuntrarju ta’ mard ieħor fejn il-ħlas tal-benefiċċju jibda jgħodd mir-raba’ ġurnata.
Il-Gvern fetaħ widintu wkoll għal dawk il-persuni li jbatu minn mard u kundizzjonijiet li qabel ma kinux qed jintlaħqu.
Mill-bidu tas-sena d-dieħla dawk bil-fibromyalgia u l-ME ukoll se jibdew jirċievu l-benefiċċju tal-mard mhux kontributorju.
Intant dawk neqsin mis-smigħ u li ma jitkellmux se jibdew jingħataw l-għajnuna tad-diżabilità meta jagħlqu sittax -il sena.
Dan apparti li l-Gvern qed jippjana li mis-sena d-dieħla jniedi helpline biex jagħti l-wens u l-għajnuna lill-persuni b’diżabilità.