Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, l-aġenzija Sedqa għenet elfejn sitt mija tmienja u tletin individwu, li fittxew l-għajnuna għand din l-aġenzija.
Matul is-sena l-oħra rrikorrew għal għajnuna tas-Sedqa, tlett elef u wieħed u sittin individwu.
Dan intqal mid-Direttur tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri waqt intervista ma’ ONE News: “Jiġifieri issa nies qed jirrikorru għall-għajnuna, tista’ tara tazza nofsha vojta u tazza nofsha mimlija, fis-sens illi tista’ tħares lejha bħala problema tas-sustanzi qegħda tikber, tista’ tħares lejha wkoll li hawn aktar kuxjenza u iktar nies qegħdin jilħqu l-problema mill-bidu kemm jista’ jkun, qabel tidħol iktar fil-fond.”
Scerri spjega magħna kif waqt il-programm ta’ rijabilitazzjoni huwa twil ftit aktar minn sena u huwa maqsum fi tliet fażijiet.
L-ewwel fażi hija meta persuna tidħol għal programm u jsir assessjar lill-qraba ta’ dawn l-individwi. Dan sabiex joffri assistenza lill-qraba u barra minn hekk il-professjonisti jkunu mgħarrfa bis-sitwazzjoni tal-klijent.
It-tieni fażi titratta lill-individwu.
Scerri sostna: “Titratta iktar l-individwu, il-bżonnijiet tiegħu u b’mod terapewtiku jkun hemm il-mixja miegħu ġol-kuntest tal-grupp biex ovvjament jibda jirkupra minnha. Issa meta ngħid jibda jirkupra, wieħed tajjeb jinnota l-kunċett li hemm, hemm barra, li inti tidħol għal rehab, dħalt f’washing machine u ħriġt nadif. Ma taħdimx hekk. Jiġifieri nafu li jkun hemm ħafna relapses, fejn għandna residenti li wara r-raba’, il-ħames darba jkun ta’ suċċess fil-per kors tagħhom ta’ rehab.”
Charles Scerri spjega li t-tielet fażi, li ddum sitt xhur, hija l-aktar importanti: “Intuha importanza għax hija t-test biex ngħidu hekk, li wieħed ikun qiegħed jerġa’ jmiss mal-komunità hemm barra. Ħafna drabi wara li nkunu tajna assistenza anke biex jinstab impjieg u nkunu qegħdin naħdmu fuq livell ta’ housing, il-persuna tkun qed toħroġ taħdem u tidħol lura fil-komunità, biex litteralment tiekol, toqgħod fil-grupp tagħha u torqod, imma tkun qegħda hemm barra.”
Id-Direttur tas-Sedqa qal magħna kif fil-Komunità Santa Marija, li tieħu ħsieb din l-aġenzija bħalissa hemm sbatax-il resident, bi ħdax huma rġiel u sitta huma nisa.
Qal kif sal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, tmienja u erbgħin persuna kienu qed jieħdu xi servizz minn dan iċ-ċentru.
Charles Scerri qal ma’ ONE News kif dawk l-aktar li jsibu għajnuna huma dawk bl-alkoħol iżda qed ikun hemm żieda oħra bi droga oħra: “It-trend hija li filwaqt li fil-kuntest tal-eroina, mhux qed naraw żieda ta’ klijenti jersqu lejna għas-servizzi, iż-żieda fil-kokaina tidher illi li qed tibqa’ għaddejja b’mod konsistenti.”
Dan jidher biċ-ċar, hekk kif f’din ir-residenza hemm disa’ persuni li qed jieħdu l-għajnuna fir-rigward tad-droga kokaina, waqt li bħalissa ħadd mhu jieħu għajnuna fuq id-droga kannabis.