Il-ħames passiġġieri abbord is-sottomorin turistiku li kien fi triqtu lejn il-fdalijiet tat-Titanic fl-Oċean Atlantiku mietu lkoll kawża ta’ implużjoni katastrofika, wara li ntilfet il-pressjoni ta’ fuq ġewwa tal-vettura.
Dan ħabbru l-Viċi Ammirall l-Gwardja tal-Kosta Amerikana, John Mauger, wara li vettura li titħaddem remotament sabet partijiet mit-Titan kważi nofs kilometru lil hinn mill-pruwa tal-bastiment mgħarraq. Huwa esprima t-tama tiegħu li din l-iskoperta tipprovdi xi tip ta’ faraġ lill-qraba tal-membri tal-ekwipaġġ abbord f’dan il-mument diffiċli. Huwa qal ukoll li t-timijiet tas-salvataġġ ma jafux jekk jirnexxielhomx isibu l-katavri, iżda l-ħidma għal dan il-għan se tissokta.
Is-sottomarin turistiku ġie rrappurtat nieqes il-Ħadd, tmien sigħat wara li tilef il-kuntatt mal-vapur ta’ fuq wiċċ l-ilma. Il-provvista ta’ 96 siegħa ossiġnu fuq it-Titan, huwa maħsub li kienet isservi sal-bieraħ filgħodu.
Għadu mhux ċar jekk l-implużjoni seħħitx il-Ħadd jew wara, waqt li kienet għaddejja tfittxija internazzjonali kbira għas-sottomarin. B’kollox instabu ħames biċċiet differenti tal-vettura, inklużi l-parti konika ta’ quddiem u l-kabina taħt pressjoni.