Ġirja kontra l-ħin.
Dan kien is-sentiment tal-uffiċjali Amerikani meta fl-aħħar jiem, l-aħbarijiet internazzjonali kienu ddominati mis-sottomarin turistiku Titan, li l-Ħadd li għadda ntilef fl-oċean Atlantiku waqt li kien fi triqtu lejn il-fdalijiet tat-Titanic.
Il-ħames passiġġieri abbord is-sottomarin mietu lkoll kawża ta’ implużjoni katastrofika, għax bil-pressjoni tal-baħar, tgħaffeġ is-sottomarin, f’dik li qed tissejjaħ implużjoni katastrofika.
Il-provvista ta’ sitta u disgħin siegħa ossiġnu, kienet maħsuba li sservi sal-Ħamis filgħodu.
Il-kuntatt mas-sottomarin intilef madwar siegħa u tliet kwarti mill-vjaġġ tiegħu u d-Dipartiment tas-Sigurtà tal-Istati Uniti rrapporta kif għal sigħat twal instemgħu ħsejjes ta’ taħbit taħt il-baħar.
Sa dak il-ħin, il-passiġġiera kien fadlilhom inqas minn tletin siegħa ta’ ossiġnu.
It-tama li jinstab is-sottomarin u li n-nies fih ikunu għadhom ħajjin, sfumat fix-xejn, però l-ħidma ssuktat biex is-sottomarin jinstab.
Vettura speċjalizzata ntużat biex issir din it-tfittxija kumplessa u delikata u tittrażmetti ritratti ta’ dak li tara quddiemha. Din il-vettura mibgħuta mill-Franċiżi għandha speċi ta’ jdejn mekkaniċi biex tneħħi ħaxix ħażin u fdalijiet bit-tama li jinstab is-sottomarin.
Intużat ukoll vettura Amerikana, ajruplani, vapuri, u apparat ieħor.
Ħabbar dan kollu l-Viċi Ammirall tal-Gwardja tal-Kosta Amerikana, John Mauger wara li nstabu partijiet mit-Titan kważi nofs kilometru lil hinn mill-pruwa tal-bastiment mgħarraq. Huwa esprima t-tama tiegħu li din l-iskoperta tipprovdi xi tip ta’ faraġ lill-qraba tal-membri tal-ekwipaġġ abbord f’dan il-mument diffiċli. Huwa qal ukoll li t-timijiet tas-salvataġġ ma jafux jekk jirnexxielhomx isibu l-katavri, iżda l-ħidma għal dan il-għan se tissokta xorta.
Għadu mhux ċar jekk l-implużjoni seħħitx il-Ħadd jew wara, waqt li kienet għaddejja tfittxija internazzjonali kbira għas-sottomarin. B’kollox instabu ħames biċċiet differenti tal-vettura, inklużi l-parti konika ta’ quddiem u l-kabina taħt pressjoni.
Huma diversi l-mistoqsijiet li din it-traġedja qed iġġib magħha, fosthom ir-riperkussjonijiet legali fuq il-kumpanija, u jekk il-familji għandhomx dritt ifittxuha. Esperti legali qed jgħidu li minkejja li l-passiġġieri setgħu ffirmaw dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja ta’ responsabbiltà għal OceanGate, il-familji xorta għandhom mezzi legali biex ifittxu lil sid il-kumpanija. Dan speċjalment jekk kien hemm difetti fl-istruttura tas-sottomarin.
Il-passiġġieri ħallsu sa mitejn u ħamsin elf dollaru Amerikan kull wieħed għall-vjaġġ sa tnax-il elf u ħames mitt pied taħt l-ilma.
Hemm min qed iqabbel it-traġedja tat-Titan ma’ dik tat-Titanic fl-elf disa’ mija u tnax, hekk kif fiż-żewġ ċirkostanzi, kien hemm twissijiet dwar il-vettura nfisha: f’dan il-każ, kien hemm min esprima dubji dwar il-mod kif inbena s-sottomarin.
Oħrajn qed jistaqsu xi tfisser mewt b’implużjoni, bl-unika raġġ żgħir ta’ konsolazzjoni tkun li l-mewt kienet waħda immedjata, u mhux wara sigħat maqbudin taħt il-baħar f’kundizzjonijiet ħżiena ta’ nuqqas ta’ ossiġnu.
Il-vittmi huma Hamish Harding ta’ 58 sena, Shahzada Dawood ta’ 48 sena u ibnu Suleman Dawood ta’ 19-il sena, Paul-Henri Nargeolet ta’ 77 sena u Stockton Rush ta’ 61 sena.