Minn Marzu li ġej, persuni li għandhom aktar minn tmintax-il sena f’pajjiżna u huma eliġibbli għal hearing aid, se jkunu jistgħu jingħataw sa tnejn.
Dan hekk kif fil-preżent, l-adulti u l-anzjani li jkollhom bżonn hearing aid biex itaffu l-problema tas-smigħ, jingħataw biss hearing aid waħda mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne ħabbar kif din l-estensjoni se tidħol fis-seħħ mix-xahar id-dieħel, wara li t-tfal u ż-żgħażagħ diġà jibbenefikaw minn żewġ hearing aids.
Qal, “Dawk it-tfal u żgħażagħ sa tmintax-il sena li jkollhom problemi ta’ smigħ li jistgħu jittaffew bil-hearing aid – għax mhux kollha jkollhom bżonn hearing aid, hawn min ikollu bżonn cochlear implant per eżempju jew affarijiet oħrajn. Dawk li jkollhom bżonn hearing aid, id-Dipartiment tas-Saħħa joffrilhom sa tmintax-il sena, hearing aid għal kull widna li għandhom bżonn, jiġifieri naturalment, żewġ hearing aids.”
Issa, anki l-adulti u l-anzjani eliġibbli għal hearing aid, jiġifieri dawk li għandhom il-kartuna r-roża jew residenti f’San Vinċenz de Paul, se jkunu jistgħu jieħdu żewġ hearing aids b’xejn jekk ikollhom bżonn.
Qal, “Mill-bidu ta’ Marzu, ħa nkunu qegħdin nestendu, li mhux biss min hu intitolat għal hearing aid għax għandu l-kartuna r-roża jew qiegħed San Vinċenz, nagħtuh hearing aid waħda, imma jekk hemm bżonn, nagħtuh tnejn. Għax widnejn għandna tnejn u jekk hemm bżonn żewġ hearing aids, il-Gvern ħa jkun qiegħed jipprovdi żewġ hearing aids. Jiġifieri sa issa żewġ hearing aids nagħtuhom biss għal tfal u żgħażagħ sa tmintax-il sena, imma minn Marzu, se nibdew nagħtu hearing aid, mhux waħda imma tnejn, lil kull min hu intitolat u għandu bżonnhom fuq is-servizz tas-saħħa tal-Gvern.”