Il-Perit David Xuereb inħatar Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.
Dan tħabbar fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, fejn intqal li l-Perit Xuereb inħatar wara konsultazzjoni mal-isħab soċjali.
David Xuereb serva bħala President tal-Kamra tal-Kummerċ u mexxa kumpaniji stabbiliti, fejn kien fdat bi proġetti maġġuri kemm f’Malta u anki f’pajjiżi oħrajn.
Il-Perit Xuereb se jservi bħala s-seba’ Chairperson ta’ dan il-kunsill.
“Jiena onorat li ġejt appuntat mill-Gvern wara konsultazzjoni mill-imsieħba soċjali kollha. Inħares ‘il quddiem u veru ħerqan biex naħdem mal-imsieħba kollha biex nindirizzaw l-opportunitajiet u l-isfidi li dan il-pajjiż se jaffaċċja fiż-żmien li ġej.”
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djologu Soċjali Andy Ellul irringrazzja lil James Pearsall għall-ħidma tiegħu fit-tmexxija tal-MCESD u awgura lill-Perit David Xuereb għal din il-kariġa.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul saħaq li jinsab konvint li huwa se jkun qed jagħti l-massimu tiegħu biex id-djalogu soċjali f’pajjiżna jkompli jissaħħaħ fl-interess tal-ġid komuni.