David Thake urtatu l-verità u spiċċa jhedded lil ONE News b’libell.
Dan wara li din il-kamra tal-aħbarijiet b’mod fattwali rrappurtat kif Thake beda bid-tentattiv li jilħaq ftehim mad-Dipartiment tat-Taxxa biex iħallas il-VAT dovut, wara li diġà kien inkixef li ma ħallasx aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’VAT dovuta lill-istat.
Il-ġimgħa l-oħra t-Times żvelat li Vanilla Telecoms, kumpanija tat-telekomunikazzjoni li tagħha Thake huwa shareholder waħdu, ma ħallsitx ħlasijiet relatati ma’ VAT u li jmorru lura għal numru ta’ snin li jammontaw għal mitejn elf tlieta u tletin ħames mija u ħmistax-il ewro.
B’kollox b’interessi u ħlasijiet f’penali Thake ma ħallasx ftit aktar minn mitejn u sebgħin elf ewro.
B’hekk permezz ta’ din l-aħbar, David Thake jingħaqad ma wċuħ prominenti oħrajn mill-Partit Nazzjonalista fosthom il-Kap innifsu Bernard Grech u wieħed mill-ewlenin li poġġieh hemm Jason Azzopardi.
Bernard Grech kien investigat minn istituzzjoni ta’ kontra l-frodi fit-taxxa wara li nstabu numru ta’ irregolaritajiet u ġie ordnat jħallas sbatax-il elf ewro f’pendenzi ma’ tal-VAT.
Dan filwaqt li l-Kap stess kien ħallas mat-tletin elf ewro fi ħlasijiet f’taxxa pendenti li tmur lura snin twal.
Huwa kien għamel dan wara li kien wera l-interess tiegħu li jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
L-Erbgħa ħareġ li David Thake spiċċa laħaq il-ftehim mad-Dipartiment tat-Taxxa biex iħallas il-pendenzi li għandu fl-istess jum li fih kellu jidher quddiem il-Qorti hekk kif kien ser jitressaq b’ċitazzjoni.
Madankollu, l-każ spiċċa waqa’ wara li ntlaħaq dan il-ftehim.
Iżda l-istess deputat li ġmielu jħambaq anke waqt il-protesti ta’ Repubblika u Occupy Justice favur il-libertà tal-ġurnalisti li jirrappurtaw mingħajr ma jkunu mhedda b’każijiet legali, issa ħareġ jippoppa sidru fuq Facebook jgħid li ser jiftaħ libell kontra l-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE.
Iżda x’jgħid x’jgħid u jagħmel x’jagħmel David Thake, ONE News ser jibqa’ jesponi l-fatti kollha mingħajr biża’ u b’rispett lejn l-udjenza li għandu u li skont l-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir, frankament tiżboq bil-bosta dik li għandu l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, fejn Thake kien jagħmel il-programmi jippriedka fuq il-korrettezza.