David Thake baqa’ ma rtirax l-allegazzjonijiet li kien għamel dwar l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Dan kien allega li Adrian Delia kien ġie offrut flus mis-Suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Għalkemm fl-istqarrija konġunta, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li wkoll kien għamel din l-allegazzjoni tiegħu, spiċċa kellu jirtiraha, Thake rrifjuta li jagħmel dan u minflok qalilna li kull ma kellu xi jgħid dwar dan il-każ qalu lill-Maġistrat hekk kif fuq dan il-każ hemm inkjesta Maġisterjali.
Meta kien mistoqsi: “Int għadek issostni li kienu tħallsu flus biex ma jitlax Casa, Jason Azzopardi rtiraha fl-istqarrija l-ġimgħa li għaddiet?”
David Thake wieġeb: “Mela, il-materja li qed issemmi inti hija soġġetta issa għal investigazzjoni issa mhux hekk, u inkjesta maġisterjali u dak kollu li kelli xi ngħid għidtu lill-Maġistrat.”
Meta kien mistoqsi: “Għadek temminna imma jew tirtiraha issa li ħarġet l-istqarrija?”
Thake stqarr: “Naħseb irrispondejtek le.”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Għadek temminha jiġifieri?”
Thake qal, “Irrispondejtek.”
Meta affaċċjat b’din ir-risposta xotta ta’ Thake, Adrian Delia nnifsu stqarr kif fil-Qorti David Thake ma setax jissostanzja dawn l-allegazzjonijiet li kien għamel dwaru.
Huwa qal: “Fil-proċess li għaddej fil-Qorti u dan huwa pubbliku imma rrid infakkar għax in-nies imbagħad jinsew wara ftit xhur. Tela’ jixhed David Casa nnifsu li qal li m’għandu l-ebda prova ta’ xejn. Tela’ jixhed David Thake nnifsu li hu fil-konfront tiegħi la għandu xejn u mhu jallega xejn.”
Fuq ix-xandir nazzjonali David Thake kien allega li Casa kien ġie mminat mill-partit tiegħu stess immexxi minn Adrian Delia.
Huwa kien stqarr: “Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech lil PN biex Casa ma jiġix elett? Infurmat li offra 50,000 ewro.“Is-sors li għandi jien jikkonfermah, taf li dan huwa corrupt practice?”