L-Eks Deputat Nazzjonalista David Thake irtira l-libell li kien ressaq kontra ONE News u li kien jipponta lejn l-eks editur Edward Montebello u l-ġurnalist Samuel Lucas.
Il-libell ta’ David Thake kien tressaq wara artiklu li fattwalment irrapporta kif David Thake kien beda jħallas il-VAT dovuta wara li kien diġà nkixef li ma ħallasx aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’VAT dovuti lill-Istat.
Dan wara li t-Times żvelat li Vanilla Telecoms, kumpanija tat-telekomunikazzjoni li tagħha Thake huwa l-azzjonist uniku, ma kinitx ħallset pagamenti relatati mal-VAT u li kienu jmorru lura numru ta’ snin. Dawn il-pagamenti kienu jammontaw mitejn u tlieta u tletin elf, hames mija u ħmistax-il ewro. B’kollox, bl-imgħaxijiet u bil-ħlasijiet tal-penali, Thake ma ħallasx ftit aktar minn mitejn u sebgħin elf ewro.
Dakinhar li tressaq il-libell, ONE News kiseb f’idu kopja tar-rikors li David Thake kien qassam lill-kmamar tal-aħbarijiet kollha f’Malta ħlief lil ONE News, biex bħal donnu b’pompa jħabbar il-bravura li għamel u jintimida lil min, bħal ONE News, seta’ jitħajjar jirrapporta l-fatti.
Madankollu, issa David Thake baxx baxx ċeda dan il-libell li tant ftaħar bih u li għalih kien qed jidhirlu wkoll wiċċ prominenti tal-establishment Nazzjonalista, l-Avukat Andrew Borg Cardona, magħruf bħala l-Boċċa.
Thake qed jgħid li, peress li issa m’għadux fil-ħajja pubblika, m’għadux interessat li jsegwi kawżi li ġejjin minn dik l-istess ħajja li ħalla warajh.
Madankollu ONE News, permezz tal-Avukati Joseph Gerada u Axl Camilleri kien ippreparat li jsostni l-istorja tiegħu billi fil-Qorti anke jippreżenta numru ta’ xhieda skont iċ-ċirkostanzi, fosthom il-Kummissarju tat-Taxxi, u rappreżentanti jew uffiċjali mid-Dipartiment tal-VAT, mir-Reġistru għan-Negozji Malti, mill-Partit Nazzjonalista, u anke minn kumpaniji kummerċjali li għandu interess fihom David Thake.
Flimkien ma’ dawn, fil-lista tax-xhieda li ssottometta ONE News, hemm ukoll edituri u ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti li rrappurtaw dwar dan il-każ.