Id-Deputat Nazzjonalista David Thake ressaq libell kontra l-editur u ġurnalist ta’ ONE News wara artiklu li fattwalment irrapporta kif David Thake beda biex iħallas il-VAT dovuta, wara li diġà kien inkixef li ma ħallasx aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’VAT dovuta lill-istat.
ONE News għandu f’idejh template ta’ rikors li David Thake għadda lill-ġurnalisti oħra f’pajjiżna, biex bħal donnu b’pompa jħabbar il-bravura li jħoss li għamel u jintimida lil min bħal ONE News qed jitħajjar jirrapporta l-fatti.
Il-ġimgħa l-oħra t-Times żvelat li Vanilla Telecoms, kumpanija tat-telekomunikazzjoni li tagħha Thake huwa shareholder waħdu, ma ħallsitx ħlasijiet relatati ma’ VAT u li jmorru lura għal numru ta’ snin li jammontaw għal mitejn elf tlieta u tletin ħames mija u ħmistax-il ewro.
B’kollox b’interessi u ħlasijiet f’penali Thake ma ħallasx ftit aktar minn mitejn u sebgħin elf ewro.
B’hekk permezz ta’ din l-aħbar, David Thake jingħaqad ma wċuħ prominenti oħrajn mill-Partit Nazzjonalista fosthom il-Kap innifsu Bernard Grech u wieħed mill-ewlenin li poġġieh hemm Jason Azzopardi, li ma ħallsux it-taxxa dovuta.
Skont ir-rikors imħarbex mill-Avukat Andrew Borg Cardona, il-Boċċa, it-titlu tal-artiklu li qal kif Thake ħallas biss wara li nkixef li ma ħallasx il-VAT, huwa malafamanti u libelluż.
Dan filwaqt li qal li dan huwa inveritier.
Madankollu kien biss l-Erbgħa li għadda li ħareġ li David Thake laħaq il-ftehim mad-Dipartiment tat-Taxxa biex iħallas il-VAT, fl-istess ġurnata li kellu jitressaq il-Qorti b’akkużi konnessi ma’ dawn il-fatti.
Filwaqt li jagħmel x’jagħmel David Thake, ONE News ser ikompli jirrapporta l-fatti, wieħed ma jistax ma jinnotax l-għażla ta’ David Thake li jkollu lil Andrew Borg Cardona jidher għalih fil-Qorti.
Forsi min jaf tul il-kawża jerġa’ jipprova jibni argument dwar l-anatomija kif ġieli ġprova jagħmel waqt il-protesti fil-Belt.
Hu kien qal, “Issa nikkumparawhom, naħseb tiegħek aħjar minn tiegħi għax il-camera ikbar, imma l-bajd tiegħi akbar minn tagħkom.”