David Sassoli se jibqa’ mfakkar għar-ruħ soċjali li mhux biss kien jitkellem dwarha, imma wkoll jipprattikaha.
Fil-fatt meta bdiet il-pandemija f’nofs Marzu tal-2020, ħidmet il-Parlament Ewropew bdiet issir mid-dar, u għalhekk, il-binja kienet vojta, Sassoli kien fetaħ parti mill-binja biex tilqa’ fiha persuni li ma kellhomx saqaf fuq rashom u anke kien ta refuġju għan-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika.
Tkellem dwar dan Mario Sammut, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, meta dalgħodu kien wieħed mill-mistiedna fil-programm ONE Breakfast.
Sassoli, eks ġurnalist Taljan, kien ġie elett l-ewwel darba fil-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Soċjalista Taljan fl-2009, biex imbagħad sentejn u nofs ilu huwa kien inħatar bħala l-President tal-Parlament Ewropew.
Sammut fakkar kif Sassoli ħalla impatt fuq ħajjet ċittadini Ewropej, u r-ruħ soċjali tiegħu ġabitlu ħafna rispett mingħand kulħadd.
Tant li lbieraħ fil-Parlament Ewropew kien hemm sens ta’ dieqa kbira meta tħabbret il-mewt tiegħu.
Sewgi l-intervista hawn.