Il-liġi tal-Ombudsman titkellem ċar ħafna.
Mhux biss l-Ombudsman u l-Kummissarji fi ħdan l-uffiċċju tiegħu m’għandhomx jagħmlu xogħol li jista’ jtellef l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom, iżda jekk iħossu li jistgħu iservu f’xi kariga li ma tolqotx l-imparzjalità tagħhom, għandhom jitolbu lill-ispeaker biex jagħti permess bil-miktub.
Iżda one.com.mt jista’jiżvela li l-Kummissarj għall-Ambjent, David Pace, lanqas dan m’għamel.
Anke jekk baqa’ jservi ta’ direttur fuq kumpanija involuta fl-ippjanar. Dan minbarra xogħol ieħor li żvelajna fl-aħħar jiem.
Il-liġi tgħid preċiżament hekk: “L-Ombudsman ma għandu jkun f’ebda qagħda li ma tkunx kompatibbli mat-twettiq korrett tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu jew mal-imparzjalità u l-indipendenza tiegħu jew mal-fiduċja pubblika dwarhom. L-Ombudsman għandu jiddikjara lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati u jikseb l-approvazzjoni tiegħu dwar kull kariga, trust jew tesserament li l-Ombudsman iqis bħala li ma jolqtux l- imparzjalità, jew indipendenza u fiduċja pubblika, u li huwa jkun jixtieq li jżomm matul iż-żmien tal-kariga tiegħu.”
Pero Pace qatt ma talab dan il-permess.
“ Inkarigat minn Mr Speaker biex ninformak li qatt ma saritlu talba fir-rigward,” intqal fi tweġiba uffiċjali li ngħatat l-għada li sar magħruf li David Pace ġie jaqa u jqum ukoll minn parir tal-eks speaker Michael Frendo.
Parir ċar u bil-miktub mibgħut lill-eks Ombudsman, Joseph Said Pullicino, li taħt it-tmexxija tiegħu Pace baqa’ jaġġixxi b’mod li qajjem kwistjonijiet etiċi kbar.
Xi ħaġa li waslet biex għand l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż wasal file anonimu bid-dettalji ta’ kif Pace baqa’ għaddej b’xogħol bi qligħ wara li nħatar fl-uffiċċju tal-Ombudsman. Kariga li suppost titlob imparzjalità kbira.
Dokument li ppubblika l-ġurnal KullĦadd wera b’mod ċar li l-eks speaker, Michael Frendo, kien ta parir ċar biex ma jsirx xogħol fil-privat li jista’ jitfa’ dell ikrah fuq in-nies maħtura fl-uffiċċju tal-ispeaker.
David Pace għamel kollox bil-kontra.