Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol ħabbar il-ħatra tas-Sur David G. Curmi bħala Chairman Eżekuttiv ġdid tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.
Din il-ħatra se tidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Fi stqarrija ntqal li s-Sur Curmi għandu snin ta’ esperjenza fit-tmexxija ta’ diversi entitajiet pubbliċi u privati.
Huwa wkoll iċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali u membru tal-Bord tal-Iskola tad-Dottorat fl-Università ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-Air Malta qed taffaċċja numru ta’ sfidi kbar li kibru minħabba l-pandemija.
Saħaq li hu jemmen li s-Sur Curmi jista’ jġib stimulu ġdid lil-linja tal-ajru sabiex tikkonsolida l-oqsma li rnexxew, filwaqt li ttejjeb l-oqsma fejn dan ma seħħx.
Il-Ministeru rringrazzja liċ-Chairman uxxenti Dr. Charles Mangion għax-xogħol li wettaq matul il-kariga tiegħu.