David Cilia Vincenti huwa ċ-champion il-ġdid taċ-ċess f’Malta. L-aħħar li rebaħ dan it-titlu prestiġjuż kien 22 sena ilu fis-sena 2000. Cilia Vincenti li bħalissa jgħix ġewwa New Zealand, kellu jagħmel il-vjaġġ twil lejn Malta darbtejn. Dan sabiex seta’ jieħu sehem fil-kampjonat tal-Candidates u jikkwalifika għas-87 edizzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess. Ix-xahar li għadda Cilia Vincenti pparteċipa wkoll fl-Olimpjadi taċ-Ċess li ġew organizzati f’Chennai ġewwa l-Indja.
Ir-rebbieħ nazzjonali tas-sena li għaddiet Robert Zerafa, kif ukoll Colin Pace li kien ikklassifika fit-tieni post, kienu il-favoriti li jiksbu t-titlu din is-sena. Madankollu, Zerafa sabha ferm diffiċli li jikkumbatti għall-ewwel post, wara sena nieqes mill-logħob mindu rebaħ il-kampjonat nazzjonali. Sa nofs il-kampjonat kien qed jidher ċar li l-ġlieda għat-titlu din is-sena, kienet qed tkun missielta bejn 3 plejers – Pace, Cilia Vincenti u Jake Darmanin (champion fl-2020).
Darmanin kellu bidu tajjeb wara li rnexxielu jikseb 2½ punti mill-ewwel erba’ logħbiet. Fil-ħames round, f’riżultat mhux mistenni, Darmanin tilef kontra Alberto Farah. Għal Farah, dan kien l-ewwel debut tiegħu fil-kampjonat Malti. Darmanin pero irnexxielu jirkupra tajjeb u rebaħ l-erba’ logħbiet ta’ wara.
Peter Sammut Briffa, veteran u rebbieħ tat-titlu nazzjonali fl-1991, 2001 u 2002, kellu kampjonat tajjeb. Sammut Briffa kien strumentali fit-tellieqa għat-titlu, hekk kif irnexxielu jegħleb lil Darmanin fl-aħħar logħba tat-turnew. Huwa ġabar 4½ punti.
It-titlu ġie deċiż propju fil-mumenti finali tal-aħħar logħba tal-Kampjonat. Fl-aħħar round, it-3 plejers Cilia Vincenti, Darmanin u Pace kollha kellhom 6½ punti. Pace kien lest mil-logħob kollu tiegħu, filwaqt li Cilia Vincenti kellu jilgħab kontra Zerafa, u Darmanin kontra Sammut Briffa. Wara 4 sigħat ta’ logħob, Cilia Vincenti rebaħ il-logħba tiegħu. Darmanin li kellu vantaġġ tajjeb matul il-logħba tiegħu, kien ambizzjuż iżżejjed u spiċċa tilef il-materjal. Wara 4 sigħat u nofs ta’ logħob, Darmanin irriżenja. Darmanin ġie kklassifikat fit-tieni post permezz ta’ tie-breaks u awtomatikament ser ikun qed jikkwalifika għall-kampjonat tas-sena d-dieħla.
Klassifika Finali: 7½ punti: Cilia Vincenti; 6½ punti: Darmanin, Pace; 4½ punti: Sammut Briffa; 3½ punti: Zerafa; 1½ punti: Farah.
Jamie Farrugia (ritratt fit-titlu) ta’ 23 sena mir-raħal ta’ Birżebbuġa hija ċ-champion nazzjonali ta’ Malta tan-nisa. Il-Kampjonat ġie organizzat bis-sistema doppja tar-round-robin, bil-plejers jilagħbu kontra xulxin darbtejn. Erbgħa plejers ħadu sehem – Filipina Thornton, Milena Stagno u Hayley Thornton flimkien ma’ Farrugia.
Farrugia lagħbet logħob taċ-ċess impressjonanti, b’ħafna mil-logħob tagħha rebħitu b’checkmates deċisivi. Tant kienet qed tiddomina tul il-kampjonat, li rebħet l-ewwel ħames logħbiet infila. L-aħħar logħba tagħha kontra Filipina irriżultat fi draw, f’logħba li ħadet kważi 5 sigħat.
Hayley ta’ 11-il sena, ipparteċipat fl-ewwel kampjonat nazzjonali tagħha ta’ din ix-xorta. Riċentament hija ħadet sehem fl-Olimpjadi taċ-ċess fl-Indja u qed tikseb l-esperjenza mill-ħafna logħob li qed tilgħab. Hija rnexxiela tikseb draw kontra Filipina. Stagno, li bħalissa hija impenjata bl-istudji tagħha għall-A-Levels, lagħbet tajjeb, għalkemm tilfet xi logħob minħabba żbalji li setgħu ġew evitati.
Għal l-ewwel kampjonat li jmiss bit-titlu ta’ Champion Nazzjonali, Farrugia ser tkun qed tirrapreżenta lil Malta fl-ewwel edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-żgħar – ESNA Women’s Chess Championship, li ser isir ġewwa Monaco f’Novembru li ġej.
Klassifika Finali: 5½ punti: Farrugia; 3½ punti: F. Thornton; 2½ punti: Stagno; ½ punt: H. Thornton
Conrad Thake – Champion Nazzjonali taċ-Ċess 2022 (sezzjoni Veterani)
Conrad Thake, li kien champion nazzjonali fl-1988, rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tal-Veterani. Il-kampjonat ntlagħab bil-format ta’ round-robin, fejn il-plejers kollha lagħbu darba kontra xulxin. Thake rebaħ il-logħob kollu tiegħu, ħlief għal draw waħda kontra George Caruana li spiċċa fit-tieni post. Il-Kampjonat kien wieħed akkanit hekk kif Thake u Caruana baqgħu ras imb’ ras fil-punteġġ sal-aħħar round. Kien fil-logħba finali, fejn Thake irnexxielu jirbaħ lil Mario Psaila biex b’hekk qabeż lil Caruana u kiseb l-ewwel post. Psaila beda l-kampjonat tajjeb, sakemm tilef kontra John Richards fil-ħames round. Richards spiċċa fit-tielet post, filwaqt li Psaila ikklassifika fir-raba’ post. Stephen Naudi Busuttil u Albert Mamo rebħu logħba kull wieħed.
Klassifika Finali: 4½ punti: Thake; 4 punti: Caruana; 3 punti: Richards; 2½ punti: Psaila; 1 punt: Busuttil Naudi, Mamo.