Lejlet iż-żjara tal-ogħla uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna, fosthom mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa kiteb lill-istess President tal-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jxekkel l-akbar pakkett finanzjarju li rnexxielu jikseb pajjiżna mill-Unjoni Ewropea.
Il-Partit Laburista nnota li jibqa’ joħroġ dejjem aktar ċar kemm il-Partit Nazzjonalista ma jinbidel qatt.
Dwar dan ukoll ikkummenta s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, li fuq il-midja soċjali tenna li “biex tixtieq id-deni lil pajjiżek stess turi biċ-ċar li l-pajjiż ma tħobbux u m’intix denju la biex tirrappreżenta lil niesu u wisq inqas biex tmexxih”.
Casa wissa lil Von der Leyen biex toqgħod attenta minn pajjiżna u l-Gvern, immexxi minn Robert Abela, għax, skontu, dan jaf biss iqarraq bin-nies u hekk mistenni jagħmel waqt li hi se żżur ix-xogħlijiet fl-Iskola Primarja tan-Nadur eżatt qabel il-laqgħa għolja tal-MED 9 il-Ġimgħa.
Hawnhekk il-Partit Laburista nnota wkoll li din l-ittra mhux biss hi bbażata fuq il-gideb, iżda għandha wkoll skop li xxekkel il-fondi Ewropej għal pajjiżna.
“Bħall-Kap tiegħu, David Casa għadu qed ifittex l-iskużi għaliex il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali. Għadu ma fehemx li hi l-arroganza u l-ħidma kontra pajjiżna ta’ nies bħalu li wasslu għall-akbar telfiet fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista,” tenna l-Partit Laburista.
Ftit sigħat qabel iż-żjara f’pajjiżna ta’ Von der Leyen, Casa kiteb lill-Kummissjoni Ewropea biex mingħalih itappan din iż-żjara, iżda agħar minn hekk biex jipprova jtellef il-fondi Ewropej lil pajjiżna li minnhom igawdu l-Għawdxin u l-Maltin kollha.
Jidher ċar li Casa għadu ma jistax iniżżilha li Robert Abela bħala Prim Ministru ġab l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej għal Malta fl-istorja.
Il-Partit Laburista tenna li dawk il-fondi se jibqgħu jintużaw għall-ġid tal-poplu kollu Malti. Hekk qed jiġri fl-iskola tan-Nadur, fejn qed isir xogħol kbir biex l-istudenti setgħu jidħlu fi klassijiet totalment ġodda.
“Hu fatt magħruf li dan proġett li qed javvanza skont l-iskeda, iżda l-possibbiltà ta’ żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea jidher li dejqet bil-kbir lill-midja tal-Partit Nazzjonalista u l-ħbieb tagħha. Daqshekk ma jifilħux il-ġid ta’ pajjiżna”, temm jgħid il-Partit Laburista.