F’mument fejn ħadd fil-Partit Nazzjonalista m’għadu ddikjara l-interess tiegħu għal Kap tal-Partit, tfaċċa l-ewwel isem li jrid kariga fil-grupp ta’ tmexxija.
David Casa, il-membru tal-Parlament Ewropew, iddikjara mat-Times of Malta li lest jikkontesta l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Casa ilu jimmira għal din il-kariga minn tal-inqas sentejn meta kien diġa’ wera x-xewqa li jikkontesta lil Rosette Thake li mbagħad baqgħet fil-kariga.
Iżda, issa li t-tim tat-tmexxija rriżenja kollu Casa kien minn tal-ewwel li wera l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta u bħal ħafna li jitħajru għal xi kariga qal li kienu n-nies li ħeġġewh jagħmel dan.
“Interessat, għalkemm ovvjament irrid l-appoġġ tat-tmexxija l-ġdida, il-kap il-ġdid u l-viċi-kapijiet tiegħu,” qal David Casa li għandu tmienja u erbgħin sena u lilu Membru tal-Parlament Ewropew mill-2004.
Fl-aħħar snin Casa kien wieħed mill-iktar politiċi fil-Partit Nazzjonalista li ħadmu fuq il-pjan tal-Kap Simon Busuttil li ssir ħsara kemm jista’ jkun lill-pajjiż barra minn Malta biex ikun imminat il-gvern.
Għamilha fuq iċ-ċittadinanza b’investiment, l-impjant tal-gass f’Dellimara u riċentament fuq il-kwistjoni tal-Panama.
Tant li sa nhar l-Erbgħa stess mar fil-Parlament Ewropew biex jitkellem kontra Malta wara li xhur ilu kien qal ukoll li jistħu li hu Malti.