Il-kandidat Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Casa, mill-ġdid kiteb ittra lil istituzzjoni Ewropea f’tentattiv ieħor li jkompli jħammeġ isem pajjiżna.
Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħamis filgħodu hekk kif il-PN qed jitlob ir-riżenja tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna, wara akkużi fil-konfront tiegħu xprunati mill-Inkjesta Vitals tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Dan minkejja li l-liġi Maltija tgħid, b’mod ċar, li Gvernatur tal-Bank Ċentrali għandu biss jirriżenja jekk jinstab ħati ta’ reat kriminali.
Madankollu, mhux talli hekk, talli David Casa ftaħar li kiteb lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, dwar din il-materja.
Qal, “Ktibt naturalment, ktibt lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jimmoniterjaw is-sitwazzjoni. Jien lil Christine Lagarde għedtilha mmoniterja s-sitwazzjoni f’pajjiżna.”
Hu tenna li, flimkien mal-Partit Nazzjonalista, se jibqa’ jagħmel ħiltu kollha.
Qal, “Ħa nagħmlu ħilitna kollha iva.”
Fil-fatt, il-gazzetta The Times ippubblikat l-ittra li kiteb Casa lil Lagarde fil-konfront ta’ Edward Scicluna.
Fiha, Casa saħansitra jordna lil Lagarde tuża l-influwenza tagħha b’rabta ma’ dan il-każ.
Madankollu, fl-istess konferenza, Casa sostna kif hu qed jaħdem biex itejjeb ir-reputazzjoni tal-Bank Ċentrali.
Qal, “Għandna dritt niddefendu r-reputazzjoni tal-Bank Ċentrali tagħna.”
Hawn ikompli joħroġ ċar kif, filwaqt li f’Malta l-Partit Nazzjonalista jgħid li qed jaħdem biex itejjeb ir-reputazzjoni tal-Bank Ċentrali, barra minn xtutna jgħid u jaġixxi mod ieħor.
Din mhux l-ewwel darba li Casa bagħat ittra biex iħammeġ isem pajjiżna u jfixkel il-ħidma tal-Gvern.
Lejlet iż-żjara tal-ogħla uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna, fosthom mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, Casa kien kiteb lill-istess President tal-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jxekkel l-akbar pakkett finanzjarju li rnexxielu jikseb pajjiżna mill-Unjoni Ewropea.
Dan minbarra n-numru ta’ drabi differenti fejn l-istess Casa uża l-Parlament Ewropew biex jattakka lil Malta bla ebda ġustifikazzjoni, permezz ta’ dibattiti fil-konfront ta’ pajjiżna.