L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa kkonferma kif hu juża mhux biss il-Parlament Ewropew, imma anke wkoll istituzzjonijiet oħrajn Ewropej u dawk internazzjonali, biex jaħdem kontra pajjiżna.
Dan ikkonfermah meta kien qed jieħu sehem fi programm fuq l-istazzjon Nazzjonalista. Hawnhekk iddandan kif hu juża bosta istituzzjonijiet internazzjonali biex iwettaq tali attakki.
Casa: “Għax jiena d-dover tiegħi hu li nuża l-istituzzjonijiet Ewropej u m’użajtx biss il-Parlament Ewropew, użajt lill-Kummissjoni, użajt il-Kunsill, użajt il-Moneyval, użajt il-Venice Commission. Użajt lill-istituzzjonijiet internazzjonali.”
Fl-aħħar ħames snin, fil-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola għamlu erbatax-il riżoluzzjoni kontra Malta.
Fl-istess programm fuq in-NET, Casa wkoll sostna, fost oħrajn, kemm hu jaħdem mill-qrib mal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li llum hu s-Segretarju tal-Grupp tal-Popolari Ewropej, l-EPP, u l-eks deputat tal-establishment Jason Azzopardi.
Tul dan ix-xahar, f’din il-kampanja elettorali għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew fit-tmienja ta’ Ġunju, Casa tkellem numru ta’ drabi kontra pajjiżna.
Fil-bidu tal-kampanja elettorali, Casa sostna li hu se jkompli jaħdem kontra l-Laburisti.
“Mela għadkom ma rajtu xejn minni u se nuża s-saħħa kollha tiegħi kontra tagħhom.”
Imbagħad f’intervista mal-Malta Independent, David Casa wkoll ta x’jifhem li, jekk jiġi elett fil-Parlament Ewropew, hu se jkompli jaħdem bl-istess mod kontra pajjiżna.
Casa: “Iva jiena lest li nuża t-tools kollha fi Brussell.”
Dan apparti li f’din il-kampanja, waqt attività tal-Partit Nazzjonalista, iddikjara “gwerra qaddisa” kontra l-Laburisti.