Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, kien l-uniku membru tal-Parlament Ewropew Malti li vvota favur rapport dwar it-taxxa, li jekk il-ħsibijiet fih ikunu attwati nkunu morna pass eqreb lejn l-armoninazzjoni tat-taxxa fl-Ewropa.
Xi ħaġa li l-gvern Malti huwa kontra tagħha għaliex mhix fl-interess nazzjonali.
Dwar rapport bl-istess effetti vvotat favur Roberta Metsola ftit taż-żmien ilu. Għalkemm din id-darba kienet mad-deputati tal-Partit Laburista u vvotat kontra. L-istess bħalma għamlet Therese Commodini Cachia.
Esperti mill-qasam finanzjarju qalu li r-rapport – Report on tax ruling and other measures similar in nature or effect – huwa rapport ieħor li jħares lejn sistema waħda għall-pajjiżi kollha.
Il-one size fits all li pajjiż bħal Malta ma jaqbillux u li jinjora d-differenzi f’ekonomiji Ewropew u jelimina l-flessibbiltà tal-pajjiżi membri.
Esperti li tkellmu ma’ one.com.mt qalu li r-rapport li vvota favurih Casa għandhom bosta klawsoli li huma oġezzjonabbli.
“Vot kontra dan ir-rapport kien kruċjali iktar wara Brexit. Irridu niddefendu iktar l-interess ta’ pajjiż bħal Malta għaliex proposti bħal f’dan ir-rapport jistgħu faċilment jieħdu ċertu xogħol lejn pajjiżi mhux Ewropej li joffru ċerti inċentivi.”
“U r-Renju Unit jista’ jsir wieħed minnhom,” kompla jingħad lilna minn espert fil-qasam finanzjarju maħsub bil-pożizzjoni tal-kap tad-delegazzjoni nazzjonalista fi Brussell.
Ftit ġimgħat ilu l-ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola kienet l-unika MEP Maltija li vvutat favur rapport ieħor li jekk jittieħdu l-proposti tiegħu jista’ jwassal għall-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-armonizazzjoni tat-taxxi tkun ta’ detriment kbir għas-servizzi finanzjarji Maltin għax il-politika flessibbi tal-Gvern Malti(inkluż gvern preċedenti) dwar it-tassazzjoni qed tressaq lejn Malta operaturi f’dan il-qasam li jammontaw għal għoxrin fil-mija tal-ekonomija Maltija.
Fiż-żewġ każi r-rapporti kienu approvati b’maġġoranza b’saħħitha bl-imkejjen li tkellmu magħhna spjegaw kemm hu iktar importanti li l-Maltin ikollhom pożizzjoni komuni u magħhom jipprova jġibu pajjiżi b;interessi kemmxejn simili għal Malta bħal l-Irlanda, il-Belġju jew Ċipru.