Id-Deputat David Agius, li llum hu wkoll kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ipprova jbenġel il-kummenti tiegħu dwar il-ħolqien tal-armata komuni li tara l-Unjoni Ewropea armata sa snienha, kif propost mill-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, li miegħu hu affiljat il-Partit Nazzjonalista.
Wara li fl-aħħar jiem iddikjara li saħansitra lest jibgħat lil uliedu biex jiġġieldu għall-gwerer f’din l-armata, f’intervista mal-Malta Independent il-Ħadd Agius reġa’ tenna l-appoġġ tiegħu għal din l-armata, bid-differenza li qal li din m’għandhiex tkun biex tiġġieled u tattakka.
Dan anke jekk il-proposta tal-EPP tiddikjara li l-armata Ewropea għandha taġixxi u tikkollabora man-NATO.
Iżda, din id-darba, ittanta jbenġel dak li kien diġà qal pubblikament.
Hawn hu pprova jdawwar dak li kien qal waqt dibattitu fuq ir-radju tal-Knisja, mal-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Daniel Attard.
Meta kien mistoqsi mill-kandidat Laburista jekk jaqbilx mal-proposta li toħroġ mill-manifest tal-EPP, l-eks Viċi Kap Nazzjonalista ddikjara li jibgħat lil uliedu għall-gwerra.
DANIEL ATTARD: “Taqbel mal-manifest tal-Partit Popolari Ewropew, li bl-aktar mod ċar qed jitlob li, fl-immedjat, ikollna forzi armati Ewropej?”
DAVID AGIUS: “Iva.”
DANIEL ATTARD: “X’se tagħmel se tibgħat lil uliedek?”
DAVID AGIUS: “Iva.”
Riċentament, il-President tal-EPP, Manfred Weber, ukoll iddikjara li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tkun armata anke bl-armi nukleari.
L-istess proposta ta’ armata Ewropea, li tkun lesta għal kollox u tikkollabora anke man-NATO, tiġi imbottata kontinwament mill-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola.