Il-kandidat Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Agius spiċċa mfixkel u aġitat waqt dibattitu fuq il-programm ‘Vi Jew Va’ ta’ Radju Malta fejn ukoll infexx jattakka lil-Laburisti bħala mafja, inkluż lill-eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat.
L-eks Viċi Kap Nazzjonalista, li ilu fil-Parlament sa mill-2003, kien qed jiddibatti mal-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Daniel Attard dwar temi politiċi relevanti u, f’nofsu, ukoll hedded li jitlaq ’il barra meta ffaċċjat b’argumenti pertinenti.
Din ma kinitx l-ewwel darba li, matul id-dibattitu, hedded li jqum u jitlaq dment li ma jingħatax l-ispazju li jitkellem. Iżda meta ffaċċjat minn mistoqsijiet dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fl-Ewropa, baqa’ jdawwar id-diskors biex ixerred il-mibegħda u jattakka lill-Partit Laburista, b’mod speċjali lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Sadanittant, wara li Agius beda jlaqlaq u jiddevja milli jirrispondi rigward id-difiża Ewropea, il-kandidat Laburista Daniel Attard fakkar lill-poplu Malti li l-arma tiegħu hu l-vot ta’ nhar it-8 ta’ Ġunju li ġej.
Qal, “Il-poplu fit-8 ta’ Ġunju għandu l-aqwa opportunità, għandu l-aqwa arma, għax ħaddieħor irid jinvesti fl-armamenti, aħna lin-nies ngħidulhom għandkom l-aqwa arma, u l-aqwa arma hi l-vot tagħkom. Agħtu risposta lil min irid jeħodna lura, agħtu risposta lil min irid ixerred il-mibegħda fost il-politiċi, agħtu risposta lil min jiddeskrivi eks mexxej li hu mafja, agħtu risposta lil min irid jaħtaf il-poter akkost ta’ kollox. Għalina l-pajjiż – mhux il-poter – jiġi l-ewwel u qabel kollox.”