Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius ikkonferma li l-Oppożizzjoni qed titkellem fuq miżuri mingħajr ma jkunu stmati kemm jiswew.
F’konferenza tal-aħbarijiet, David Agius, bħall-kap tiegħu Adrian Delia, ma qalx kemm tiswa miżura tal-ħlas ta’ nofs paga tal-ħaddiema.
Meta mistoqsi dirett, David Agius ġabha fit-tul. Meta mistoqsi: “Semmejtu diversi miżuri fosthom li l-Gvern iħallas nofs il-paga.”Tistgħu tgħidu kemm se tiġi tiswi din il-miżura?”
Huwa wieġeb: “Iva, din id-domanda diġà għamiltuha u smajtkom tgħiduha wkoll f’konferenzi bħal dawn aħna nagħmluha ċara li għandu jkun hemm taħdidiet.”
Bħal Adrian Delia ġurnata qabel, David Agius flimkien ma’ Edwin Vassallo u Ivan Bartolo, kienu negattivi dwar il-pakkett ta’ miżuri li ħabbar il-Gvern biex jgħin lill-familji u lin-negozji f’dan iż-żmien li l-ekonomiji kollha tad-dinja ntlaqtu mill-Coronavirus.
Fil-fatt l-Oppożizzjoni ddeskriviet il-pakkett ta’ kważi żewġ biljun ewro f’miżuri għan-negozji u l-familji mħabbra mill-Prim Ministru bħala daħka fil-wiċċ.
B’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista kien saħaq li l-oppożizzjoni hi bla direzzjoni.