Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech huwa tim magħqud.
Agius qal dan waqt l-attività politika li kellu l-Partit Nazzjonalista, il-Ħadd li għadda f’Ħaż Żabbar f’diskors qabel il-Kap.
Qal, “Dan hu l-Partit Nazzjonalista. Tim wieħed, tim maqgħud.”
Din id-dikjarazzjoni, ddominat id-diskors fuq fomm ħafna hekk kif Agius huwa magħruf bħala wieħed mid-deputati tal-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia.
Fil-fatt fi żmien Delia u l-attakki mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, Agius kien wieħed mid-deputati li ħareġ għonqu għal Delia u spara kemm felaħ fuq il-fazzjoni ta’ kontrih.
Fost oħrajn, kien qal li huwa ma jistenniex lil min ma jpoġġihx fil-grupp tal-preferuti tiegħu.
Sostna, “Jien ma noqgħodx nistenna lil min forsi ma jitfanix fil-grupp tal-preferuti tiegħu.”
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalulna kif b’din id-dikjarazzjoni issa hemm konferma li David Agius qed jagħmel minn kollox biex isalva ġildu mat-tmexxija ddominata mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Intant fid-diskors tiegħu Agius intilef f’dadiegħa negattiva kontra l-Gvern li ġabet magħha dikjarazzjonijiet kuntrastanti.
Fost oħrajn qal li l-Partit Nazzjonalista qed joħroġ bi proposti konkreti.
Qal, “Dan hu l-Partit Nazzjonalista li qed joħroġ bi proposti konkreti.”
Dan minkejja li sa ftit ġimgħat ilu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ftaħar li l-proposti se jżommhom sal-elezzjoni.
Qal, “Irrid inkun iblaħ li jien nipproponi u li noħroġ hemm barra dak kollu li nixtieq inbiddel jien f’dan il-pajjiż.”