Id-Deputat Nazzjonalista u kandidat għall-Parlament Ewropew, David Agius, qal li ma kienx hemm bżonn sussidji biex jgħinu lin-nies fil-kontijiet tad-dawl fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista. Dak iż-żmien il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ftaħar li kien qed jimponi l-agħar piżijiet fuq il-familji u n-negozji “bil-qalb”.
L-eks Viċi Kap Nazzjonalista u li issa qed jaspira li jkollu siġġu fil-Parlament Ewropew wara l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej, qal dan waqt li l-Ġimgħa kien qed jieħu f’dibattitu televiżiv mal-kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew, Daniel Attard, fuq l-istazzjon FLiving.
David Agius ipprova jnessi lin-nies b’dak li qed jiġri fis-settur tal-enerġija aktar minn għaxar snin ilu taħt il-Gvern, li hu kien parti minnu, dak ta’ GonziPN.
Quddiem kriżi ferm iżgħar minn dik tal-lum, il-Partit Nazzjonalista kien għolla l-kontijiet meta l-pressjonijiet internazzjonali ma kinux qawwijin bħal dawk li ġabet magħha l-Gwerra fl-Ukrajna.
Iżjed minn hekk kien għollihom b’rata ferm akbar minn dak li kien qed jiddetta s-suq internazzjonali biex jipprova jpatti għall-problemi u t-tmexxija ħażina li wassal fiha l-produzzjoni tal-elettriku u l-Enemalta ġabha f’xifer ta’ falliment.
Kellu jkun Gvern Laburista li, mill-2014, raħħas il-kontijiet għall-familji u għall-industriji, li bdew jiffrankaw mat-€80 miljun kull sena minn dak iż-żmien ’l hawn.
Fl-istess programm, il-kandidat Laburista Daniel Attard innota d-differenza ta’ dak li qed jagħmel illum Gvern Laburista, bil-maqlub għaż-żminijiet tal-awsterità ta’ żmien GonziPN. Dan inkluż bl-akbar baġits soċjali u politika progressiva li ssostni lill-familji u lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Qal, “Illum għandna popolazzjoni rekord, imma għandna inqas minn elf persuna tirreġistra għax-xogħol. Fl-2012, il-popolazzjoni kienet iżgħar, però kellna 12,000 persuna tirreġistra għax-xogħol. Verità, fatti u ċifri. Fl-2012, kellna 11,000 persuna dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, illum għandna 5,000 persuna dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.”
Fl-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista qal li l-għajnuna fl-enerġija mhix sostenibbli, fosthom mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Dan insistih ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, Robert Cutajar waqt dibattitu ieħor televiżiv fejn qal li l-għajnuna fl-enerġija mhix sostenibbli u spiċċa jgħajjar lill-Gvern bħala popolist.
Daniel Attard tenna li, kif diġà wera bil-fatti u mhux bil-paroli, il-Gvern Laburista se jkompli b’din il-politika ta’ stabilità, hekk kif fil-baġit għas-sena d-dieħla se jiġu investiti €350 miljun oħra biex il-familji u n-negozji jibqgħu għaddejjin bl-aħjar mod f’dan iż-żmien ta’ sfidi bla preċedent.
L-istess politika li llum il-ġurnata wkoll qed twassal biex pajjiżna jirreġistra l-aħjar tbassir fit-tkabbir tal-ekonomija fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.