Fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qala barrax ta’ kritika wara dak li qal dwar is-Central Link Project. Issa kien imiss lill-eks Kunsillier Nazzjonalista Herbert Messina Ferrante, li mhux biss jikkritika lil Agius, iżda saħanistra jgiddbu.
F’ittra fil-ġurnal Times of Malta, Messina Ferrante jibda’ billi jgħid li jemmen li dan il-proġett, li mistenni jtaffi l-problema tat-traffiku fiċ-ċentru tal-pajjiż, u se jolqot lil madwar tletin elf karozza li jgħaddu miż-żona kuljum, huwa wieħed bżonjuż ferm.
Ferrante, li ilu attiv fil-Partit Nazzjonalista għal snin twal, fejn tkellem ukoll f’għadd ta’ konferenzi ġenerali, jgħid li kien sorpriż meta sar jaf li fil-Parlament, David Agius qal pubblikament li Messina Ferrante huwa kontra l-proġett, u jgħidlu ċar u tond li qed jigdeb.
Hu jgħid li dwar il-proġett qatt ma tkellem ma’ David Agius, iżda tkellem biss mar-residenti ta’ Ħ’Attard – li fi kliemu, huma kollha favur il-proġett.
Messina Ferrante jkompli l-ittra tiegħu billi jfaħħar lill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, talli qed jimplimenta proġett, li skont Messina Ferrante stess, intesa minn amministrazzjonijiet passati, u kellu jkun dan il-Gvern li jippjanah, u jibdih.
Il-proġett, li tħabbar fil-ġimgħat li għaddew, se jkun qed isir b’investiment ta’ ħamsa u ħamsin miljun ewro, u mistenni jirriġenera ż-żona mill-bypass tal-Imrieħel, sa’ taħt ir-roundabout tas-Saqqajja.