Żewġ plejers tar-rugby Franċiżi kienu mmultati €250 kull wieħed wara li ħarġu jduru fit-toroq tal-Imdina, għarwenin ħuta bħala tpattija talli lagħbu ħażin.
Matthieu Chalvidal, ta’ 21 sena u Thomas Del Vecchio ta’ 19-il sena kienu arrestati l-Ħamis waranofsinhar u mixlija li offendew id-diċenza u l-morali f’ post pubbliku.
Il-Prosekuzzjoni pprovdiet ritratti taż-żewġ Franċiżi għarwenin li ttieħdu minn dawk li kienu għaddejja mill-Imdina, ritratti li ħammru wiċċ liż-żgħażagħ u li daħħku lil dawk preżenti fl-awla tal-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.
Il-Franċiżi ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom iżda spjegaw li għamlu hekk bħala kastig talli ma marrux tajjeb f’ logħba rugby. Għalkemm il-maġistrat ma setgħetx tifhem kif dan kien kastig, malajr tagħthom togħma ta’ xi jkun kastig veru.