Iż-żewġ żgħażagħ Maltin Thomas Sammut u Kyle Satariano kellhom wirja tajba fil-Malta Masters Youths waqt l-Open Internazzjonali tad-Darts li sar f’pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Thomas Sammut saħansitra wasal sal-finali għalkemm tilef 5-3 kontra Francesco Basili tal-Italja. Minkejja t-telfa, Sammut ta logħba tajba lill-plejer Taljan fejn dejjem baqa’ fil-logħba sal-aħħar. Sabiex wasal sal-finali, Thomas Sammut elimina lil Senne Locy 4-2 u lil Lljo Martins 4-3.
Min-naħa tiegħu, Kyle Satariano wasal sas-semifinali hekk kif ġie megħlub mir-rebbieħ eventwali Francesco Basili 4-0. Aktar qabel hu elimina lil Cenzio Martins 4-1 u Luca Hessens 4-3.
Jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni taż-żgħażagħ emerġenti kien hemm ukoll Riyaz Portelli, Xhin Gyzer, Geordie Zammit u Shaun Ciappara li tilfu l-konfronti tagħhom fil-fażi tal-aħħar sittax.