Norbert Attard rebaħ is-Super Cup 2024 organizzata mill-Malta Darts Association meta fil-finali għeleb lil Gordon Stanmore 5-2.
Dawn iż-żewġ plejers ta’ Ħamrun Bayern kienu ferm konsistenti fil-mixja tagħhom hekk kif rebħu l-grupp rispettiv tagħhom.
Stanmore rebaħ lil Kevin Aquilina 3-1, lil Lawrence Spiteri 3-1 sabiex fis-semifinali għeleb lil Enrico Scerri 3-0. Fil-finali tal-grupp, Stanmore għeleb lil Kevin Spiteri 4-3 f’logħba ferm drammatika u inċerta sal-aħħar.
Min-naħa tiegħu, Attard għeleb lil Tony Borg, Jesmond Cutajar, Charlo Spearing u lil Albert Scerri bl-iskor identiku ta’ 3-0 fil-mixja tiegħu għall-finali tal-grupp meta eventwalment għeleb lil Stephen Tagliaferro 4-1.
Fil-finalissima, Norbert Attard kien aktar konsistenti minn Gordon Stanmore meta rebaħlu 5-2 sabiex b’hekk seta’ jiċċelebra bir-rebħ tat-tazza li ġiet ippreżentata mill-president il-ġdid tal-MDA Tony Demanuele.