Ilbieraħ ingħata bidu għal Malta Darts Open li qed isir fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop. Fl-ewwel ġurnata kien hemm il-kategorija tad-doubles kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.
Madankollu fost kulħadd spikka l-plejer żagħżugħ Matti Satariano li fil-kategorija taż-żgħażagħ irnexxielu jasal sal-finali għalkemm tilef kontra t-Taljana Aurora Foschesato 5-1. Aktar qabel hu elimina lil Elizabeth Schlosser tal-Awstrija 4-0 u lil Alex Sulcic tal-Italja 4-0.
Fil-kategorija tal-irġiel il-koppja Albert u Enrico Scerri rnexxielhom jiksbu t-tielet post wara li għelbu avversarji mill-Awstrija, l-Iskozja, l-Istati Uniti u s-Slovenja. Kien biss fis-semifinali li tilfu kontra l-koppja Ingliża Scott Walters u Richard North 4-0. Eventwalment dawn tal-aħħar rebħu l-kategorija tagħhom.
Fid-doubles tan-nisa, il-plejer Maltija Althea Ciantar ingħaqdet mal-Awstrijaka Christiane Muzik u rnexxielhom jaslu sat-tielet post tal-kategorija tagħhom. Aktar qabel huma eliminaw avversarji mill-Belġju u l-Iskozja qabel ma tilfu s-semifinali kontra l-Ġermaniżi Liza u Lena Zollikofer 4-3.
Il-logħob mill-Malta Darts Open se jkompli llum u jintemm għada filgħaxija.