Il-Ħamis intlagħbet it-tielet u l-aħħar ġurnata tal-Malta International Darts Open fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.
Din l-aħħar ġurnata kienet riservata għall-kompetizzjonijiet Open fejn kellna diversi rebbieħa f’kull kategorija.
Fis-sezzjoni tal-irġiel, kien hemm finali kollha Ingliża fejn Richard North ħareġ rebbieħ fuq Gary Blackwood 5-2. F’din il-kategorija l-plejer Maltin Mario Sciascia, Albert Scerri u Marcus Nilsson waslu sal-fażi tal-aħħar 32 għalkemm tilfu l-konfronti rispettivi tagħhom.
Fil-kategorija tan-nisa, l-Olandiża Aletta Wajer għelbet lill-UngeriżaVeronika Ihasz 5-3 f’finali verament missielta. Il-plejers Maltin Bev Keen, Althea Ciantar u Margerita Scerri waslu sal-fażi tal-aħħar 32 fejn ġew eliminati mill-avversarji rispettivi tagħhom.
Fil-kategorija Standing ParaDarts, suċċess għall-Ingliż Paul Gelder li għeleb lill-kompatrijott Michael Callaghan 5-1. Malta kienet rappreżentata minn Joseph Martin li wasal sal-kwarti tal-finali fejn ġie eliminat minn avversarju Ingliż.
Finalment fil-Wheelchair Para Darts, kien il-Belġjan Vincent D’Hondt li għeleb lil Serge Van Belle mill-istess pajjiż 5-0. F’din il-kategorija l-Malti Bradley Zerafa wasal sal-kwarti tal-finali fejn ġie eliminat minn Darren Kennish.