Ħamrun Education rebħu t-tieni unur tal-istaġun tad-darts lokali meta fil-finali tal-4-a-side għelbu lir-rivali Ħamrun Bayern A 9-6. Din kienet it-tieni rebħa tal-Education fuq Bayern wara li ġimgħa ilu huma kisbu rebħa oħra fil-kampjonat tal-5-a-side.
Kif jindika l-iskor, din il-finali kienet waħda missielta fejn għalkemm Ħamrun Education kienu dejjem minn fuq, l-ewwel tim tal-Bayern dejjem żammew mal-avversarji u kien biss fl-aħħar li ċedew l-armi.
Fl-aħħar game, kien Norbert Attard li tefa’ l-aktar dart importanti sabiex rebbaħ lit-tim tiegħu.
Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-darts Roderick Zammit ippreżenta t-tazza lit-team manager ta’ Ħamrun Education Tony Demanuele.