Alex Arena hu s-segretarju ġenerali l-ġdid tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts. Il-kumitat eżekuttiv fi ħdan l-MDA approva unanimament din il-ħatra sabiex Arena se jkun is-suċċessur ta’ Ray Gera li serva din il-kariga fis-sentejn li għaddew.
Arena mhux isem ġdid fil-qasam sportiv hekk kif għal numru ta’ snin kien elite assistant referee fil-kampjonat Premier Malti filwaqt li kien ukoll imexxi l-akkademja tar-referees żgħar.
Illum hu jservi fir-rwol ta’ osservatur tar-referees fi ħdan l-MFA.
Arena, li għandu 62 sena kien ukoll president tal-Federation of Underwater Activities (FUAM) fejn ħadem bis-sħiħ sabiex din l-għaqda tkompli tiżviluppa.
F’kumment li ta fuq il-midja soċjali, Arena qal li se jkun qed jaħdem mal-klabbs sabiex id-darts lokali jkompli jissaħħaħ.