Darren Carabott uża s-smigħ ta’ Yorgen Fenech quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, li saret it-Tlieta, biex jibgħat messaġġ lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Ftit tal-ġimgħat ilu Bernard Grech kien se jneħħi lil Darren Carabott minn chairperson tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u kienet leak mill-Partit Nazzjonalista li waqqfitu milli jagħmel din il-mossa.
Il-midja staqsietu sigħat qabel ħa l-pass u Bernard Grech inqabad fuq sieq waħda u tgerfixlu l-pjan. Saħansitra, f’konferenza tal-aħbarijiet, ta żewġ verżjonijiet f’minuta.
Iżda, għal Carabott, dan mhux każ magħluq u, fis-smigħ ta’ Yorgen Fenech, għamel referenza għat-tmexxija tiegħu ta’ dan il-kumitat parlamentari. Wara li ġie deċiż li Fenech ma setax jixhed minħabba kawżi pendenti, Carabott tkellem fuq jekk ikunx għadu hu Chairman sa tmiem il-leġiżlatura u qal li, jekk ikun hu, jerġa’ jsejjaħ lil Yorgen Fenech. Iżda, fil-Partit Nazzjonalista jafu li l-messaġġ kien iktar għal Grech milli għax-xhud.
“Jekk jinqatgħu f’din il-leġiżlatura, u dan il-kumitat ikun għadu presedut minni, żgur nisimgħu x-xhieda tas-Sur Fenech,” qal Carabott b’enfasi fuq il-frażi “presedut minni”. Huwa ried jgħid li l-interess tiegħu u ta’ ħaddieħor jaf huma differenti.
It-theddida biex il-kumitat ma jibqax ipresedut minn Carabott saret għax il-fazzjonijiet ta’ Adrian Delia u ta’ Karol Aquilina riedu jidħlu huma fil-kumitat.
Meta ġie mistoqsi dwar hekk maħsud, Bernard Grech deher imur lura mill-pjan: “Rigward tal-PAC. Mhux minnu li se jkun hemm xi tibdil fejn jidħol li jinbidel iċ-chairman u jsir Adrian Delia.”
Iżda, wara ftit, il-Kap reġa’ qagħad attent li ma jagħlaqx il-bibien kollha, minħabba dak li għaddej fil-Partit Nazzjonalista u l-insistenza ta’ Karol Aquilina li jrid jerġa jsir membru.
Hu qal hekk: “Minn żmien għal żmien nikkunsidra li nbiddel, mhux biss hemm, imma anke f’kumitat oħrajn.”
Iżda, Carabott reġa’ bagħtlu messaġġ, f’każ li l-idea għadha tberren f’moħħu biex jaqdi lil dawk li jmexxu l-fazzjonijiet differenti fil-Partit Nazzjonalista: messaġġ biex iħalluh kwiet.