Żagħżugħ minn CHAD sab ruħu fuq l-għatba tal-Qorti l-għada li darab żewġ Pulizija mir-Rapid Intervention Unit.
Abdul Hamid Adam Zakkaria li għandu tlieta u għoxrin sena ġie mixli li darab żewġ Pulizija, li kellu sikkina mingħajr liċenzja, li kiser il-paċi pubblika u li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.
Fl-awla tal-Qorti instemgħa kif l-Ġimgħa filgħodu, uffiċjali tal-Pulizija avviċinaw liż-żagħżugħ li kellu injama f’idu u li kien miexi fix-xifer tas-sur ħdejn l-Ambaxxata tat-Turkija fil-Floriana. Meta ntalab biex juri d-dokumenti ta’ identifikazzjoni, huwa ħareġ mus u ħebb għall-Pulizija bir-riżultat li kiser subgħa ta’ kuntistabbli u darab ħafif surġent.
Biż-żagħżugħ li daħal ħafi u immanettjat ma riedx jikkomunika mal-avukat tal-għajnuna legali. Fil-bidu wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda meta l-Qorti tagħtu jikkunsidra, qal li ħassu xi ftit ma jiflaħx u biddel il-verżjoni għal waħda li mhux ħati. Il-Maġistrat ordna li jinżamm arrestat.