L-Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera li għal snin twal serviet bħala istitut għat-tfal se tiġi ttrasformata f’kumpless li minnu se tibda tingħata kura paljattiva lil pazjenti morda b’mard terminali.
L-istitut b’valur ta’ tmien miljun ewro, għaddiet lill-Moviment Hospice mingħand il-Knisja għal ħamsin sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat il-ftehim, ingħad li l-proprjetà hija mifruxa fuq medda ta’ disat elef metru kwadru fuq żewġ sulari, u għandha kważi sebat elef metru kwadru ieħor ta’ ġonna.Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoeċiżi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li l-idea li jkun hawn post apposta għall-kurja paljattiva, nibtet madwar sentejn ilu.
Qal li “Il-ftehim jgħid li aħna bħala Knisja se nagħtu l-istitut lill-Hospice, għal ħamsin sena mis-sena 2020.. sadanittant se jsir l-investiment neċessarju biex l-istitut issir waħda state of the art, u mistennija tilqa’ l-ewwel pazjenti għall-kura paljattiva fis-sena 2021.”
F’konferenza tal-aħbarjiet li matula ġie ssiġillat il-ftehim, ġie spjegat li l-Hospice Movement se jkun responsabbli mir-riġenerazzjoni.
Il-Moviment Hospice se jkun responsabbli wkoll mit-tmexxija u l-amminstrazzjoni tal-proprjetà.
Iċ-Ċerpersin tal-Moviment Hospice, Maria Gatt, qalet li l-istitut li se tingħata l-isem ta’ St Michael’s Hospice, se tilqa’ sittax-il pazjent.
Spjegat li “Minn dejjem konna nagħtu servizz lill-poplu malti u għawdxi kollu.. iżda dak is-servizz konna nagħtuh fil-komunità, iġifieri fid-djar, fl-isptarjiet.. illum bl-għotja ta’ din il-binja, ta’ Ċini Institute, issa se nibdluha u nirristrutturawha f’St Micheals Hospice.. fejn saħasnitra se nżidu s-servizzi tagħna.”
Is-Sinjura Gatt qalet li x-xogħlijiet se jibdew immedjatament, wara li jinkisbu l-permessi meħtieġa.
Spjegat li f’dan il-kumpless se jkunu disponibbli wkoll servizzi ta’ terapija ta’ matul il-jum, kliniċi, kif ukoll korsijiet edukattivi ta’ taħriġ għall-iżvilupp kontinwu u professjonali għall-istaff tal-Hospice u speċjalisti oħra fil-kura paljattiva.