10 binjiet b’karatteristiċi uniċi storiċi ngħataw ordni ta’ protezzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Fi stqarrija ntqal li b’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, dawn il-binjiet ingħataw grad wieħed jew tnejn.
Fost id-djar li ngħataw l-istat ta’ protezzjoni hemm dik tal-eks Prim Ministru Malti Nerik Mizzi. Fid-dar tiegħu fi Triq San Ġwann il-Belt, Nerik Mizzi miet 3 xhur biss wara li laħaq Prim Ministru. Din id-dar tmur lura għas-seklu 17, ftit għexieren ta’ snin wara li l-Kavallieri bnew il-belt il-ġdida fuq l-għolja Xiberras.
Interessanti wkoll li fil-Birgu żewġ binjiet qed jiġu protetti fosthom waħda li flokha kien il-palazz tal-Isqof. Dan il-palazz ta’ 3 sulari jinsab fi Triq Hilda Tabone u hu mifhum li jmur lura għas-seklu 16.
Binjiet oħra protetti huma dawk f’Bormla, l-Qrendi, Ħal Balzan, il-Gżira, Ħal Lija u n-Naxxar.
Binja li mhix residenzjali li wkoll ingħatat l-istess grad ta’ protezzjoni hija l-knisja ta’ San Ġużepp fil-Manikata. Din il-knisja nbniet ftit wara l-ewwel gwerra dinjija.