Dar Narċis f’San Vinċenz De Paul bdiet tilqa’ fiha l-ewwel persuni li jeħtieġu kura fit-tul, dan wara li ġie inawgurat il-ftuħ uffiċjali ta’ din id-dar b’investiment ta’ żewġ miljun ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet, fejn fiha wkoll ġie ffirmat ftehim bejn San Vinċenz De Paul u l-Aġenzija Sapport, ġie spjegat li dawn ir-residenti li jkollhom inqas minn sittin sena, se jingħataw lura valuri ta’ kunfidenza, kwalità ta’ ħajja adegwata, ħajja indipendenti u rispett għad-dinjità tal-bniedem.
Fost is-servizzi li se jingħataw f’dar Narċis hemm għajnuna għall-integrazzjoni soċjali, assistenza medika ta’ infermiera, fiżjoterapija, occupational therapy, speech therapy, servizzi ta’ ħaddiema soċjali, dentistrija u anke psikoloġija. Min-naħa l-oħra se jkun hemm ukoll sessjonijiet ta’ appoġġ għall-familji, sessjonijiet fi gruppi, servizzi ta’ ‘out-patients’, żjajjar fid-djar u servizzi ta’ ‘respite’.
Il-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal kif dawn il-persuni llum se jibdew igawdu l-indipendenza tagħhom f’post iddedikat għall-ħtiġijiet tagħhom.
“Huwa fl-interess tal-persuni illi għandhom tmintax sa disgħa u ħamsin sena illi se nkunu qegħdin naraw illi jingħataw il-pass u l-futur possibli għalihom li wara mardu jew kellhom inċident jistgħu jiġu integrati fis-soċjetà.”
Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli spjegat kif dan il-proġett jixpruna l-inklużjoni.
“Dan l-investiment il-proġett Narċis jipprattika l-kunċett ta’ inklużjoni u ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għaliex jipprepera lir-residenti kif jistgħu jkunu nklużi aħjar fis-soċjetà meta jgħaddu minn din il-fażi ta’ terapija.”
Min-naħa tagħhom, iż-żewġ partijiet li ffirmaw il-ftehim, jiġifieri l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul u l-Aġenzija Sapport tennew li dawn l-adulti li jispiċċaw f’realtà partikolari issa se jkollhom ambjent ferm isbaħ fejn jgħixu u servizzi indipendenti mir-residenza għall-anzjani fejn kienu qed jgħixu għal bosta snin.