Dar li sa ftit xhur ilu kienet magħluqa u mitluqa ġiet irriġenerata biex issa se tkun allokata għal skop soċjali, b’investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro (€150,000).
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes.
Din id-dar tingħaqad ma’ erbatax-il dar oħra li wkoll kienu abbandunati u li fuqhom għaddejjin xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni biex jingħataw lura lis-soċjetà.
F’din id-dar saru xogħlijiet estensivi fosthom dawl u ilma u tisbiħ ieħor bil-għan li d-dar iżżomm il-karattru Malti tagħha.
Il-Ministru Roderick Galdes stqarr li l-istrateġija tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ akkomodazzjoni soċjali, ma tiqafx biss mal-bini ta’ appartamenti ġodda.
Huwa qal li l-investiment li sar f’din id-dar u li qed isir fi djar oħrajn jibgħat messaġġ b’saħħtu li rridu naraw aktar djar abbandunati jkunu utilizzati b’mod li joffru kenn lill-individwi u familji li jkunu fil-bżonn.
Qal, “Bl-iskop li jkollna strateġija wiesgħa, mhux li nibnu postijiet ġodda, imma wkoll nagħtu xi ħaġa li komunità u ngħinu biex insalvaw il-bini storiku u wkoll li fuq kollox karatteristika importanti u huma importanti għall-komunitajiet tagħna.”