Dar il-Mediterran se tkun qed tippreżenta l-ewwel musical tagħha, bl-isem ‘Caravaggio The Musical’.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar il-Mediterran, fil-Belt Valletta, li fiha ġie spjegat li din il-produzzjoni qed issir wara impenn kbir li ttieħed fi żmien il-pandemija sabiex tiġi organizzata xi ħaġa unika fl-istorja ta’ Dar il-Mediterran.
Dan il-musical, li l-mużika tiegħu hija xogħol Paul Abela, il-lirika ta’ Joe Julian Farrugia, u d-direzzjoni ta’ Malcolm Galea, m’huwiex biss bijografija ta’ Caravaggio iżda jidħol aktar fil-profond fil-karattru ta’ dan il-ġenju artistiku.
ONE News tkellem mad-Direttur Artistiku ta’ ‘Caravaggio The Musical’, li tkellem dwar l-istil ta’ dan il-musical u l-atmosfera li se jkun qed jinkludi. L-istil se jitfa’ dawl fuq il-karattru ta’ Caravaggio, li kien magħruf bħala artist li jgħix fl-estremitajiet.
Qal, “Huwa bniedem interessanti ħafna, bniedem li kif kien ipitter kien jgħix. Jiġifieri fl-istess tila jkollu dawl estrem u dlam estrem. Jiġifieri dan ħajtu hekk kienet: filli għaddej minn depression u rabja li qisu bniedem iġegħlek tobogħdu imma fl-istess ħin iġiegħlek titħassru u joħroġ xogħlijiet fejn litteralment kien ipitter l-anġli dan ir-raġel, u b’hekk kien raġel ta’ estremitajiet.”
Intant, iċ-Ċermen ta’ Dar il-Mediterran, Kenneth Spiteri, spjega kif din il-produzzjoni se tiġi esportata anke barra minn xtutna sabiex mhux biss twassal produzzjoni ta’ livell għoli f’pajjiżi barranin iżda wkoll tirreklama l-kultura Maltija u kif Caravaggio ħalla l-marka tiegħu fuq Malta u l-Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, irrimarka l-importanza ta’ dan.
Qal, “Aħna qed naraw li nkomplu niddiversifikaw dak kollu li kapaċi jiġbed lit-turisti lejn pajjiżna u m’għandix dubju li se jkunu ħafna dawk it-turisti li bejn l-20 u l-25 ta’ Settembru se jkunu qed jattendu biex jaraw dan il-musical li jista’ jitgawda minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ Malta.”
Il-biljetti għal din il-produzzjoni se jkunu disponibbli fuq is-sit showshappening.com