“Dar il-Kaptan salvatli l-familja tiegħi” dan kien il-messaġġ li xtaqet twassal omm ta’ żewġt itfal meta esprimiet ir-ringrazzjament tagħha lejn il-ħidma li twettaq Dar il-Kaptan. Ħidma li twassal biex tgħin familji li għandhom membri tal-familja li għandhom xi forma ta’ diżabbiltà.
L-omm spjegat kif bħala omm ta’ żewġt itfal, b’waħda minnhom għandha diżabbiltà severa, meta saru jafu li għandhom tarbija b’diżabilità ħaduha bi kbira hi u r-raġel tagħha. Ma kinux jafu fejn se jaqbdu jagħtu rashom, iżda flimkien irrealiżżaw li din it-tifla hi rigal mingħand Alla u għalekk riedu jieħdu ħsiebha bl-aħjar mod li jixraqilha.
Spjegat kif iżda iżjed ma beda jgħaddi żmien, iżjed it-tensjoni u l-għajja fiżika u mentali bdiet tikber. Qabditha dipressjoni u bdiet tittraskura lil żewġha, tant li ż-żwieġ tagħhom kien se jispiċċa fix-xejn; bdiet tittraskura lil bintha l-kbira, tant li bdiet sejra lura fl-iskola u bdiet se taqbad it-triq tal-vizzji wkoll.
L-omm irrakkontat kif darba fost l-oħrajn kellha bżonn tagħmel intervent mediku serju li kien se jieħu fit-tul. Ma kinitx taf ma’ min se tafda lil bintha b’diżabilità u b’ħafna biża’ għamlet kuntatt ma’ Dar il-Kaptan.
Minn hemm hi ġiet mistiedna tmur tara d-dar u baqgħet impressjonata bl-indafa, bl-organizzazzjoni, bil-kura li l-istaff jagħti lil kull persuna u kemm jieħdu ħsieb ta’ kull dettall. F’din il-laqgħa saret taf li din id-dar hija organizzazzjoni mhux governattiva, jiġifieri x-xogħol kollu li tagħmel ma tagħmlux għall-profitt imma tgħix essenzjalment bil-providenza.
Spjegat kif saret taf li l-iskop prinċipali ta’ Dar il-Kaptan huwa li tiżgura li l-familji jirċievu appoġġ xieraq sabiex b’hekk il-persuni b’diżabilità jistgħu jibqgħu fid-dar tal-familji tagħhom u jkomplu jgħixu fil-komunità tagħhom. Dan isir billi jipprovdu lill-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom brejks ta’ ġurnata, ġimgħa jew aktar sabiex il-kuraturi primarji jkunu jistgħu jieħdu s-serħan meħtieġ biex ikomplu bl-appoġġ tagħhom lill-membru diżabbli tal-familja, u b’hekk inaqqsu t-tensjoni u l-kriżijiet familjari possibbli.
L-omm sostniet kif id-deċiżjoni li t-tifla tibda tmur Dar il-Kaptan kienet waħda mill-iżjed importanti li ħadet f’ħajjitha.
“Nistaqsi lili nnifsi għala ma ħadtx din id-deċiżjoni qabel. Imma tgħallimt li qatt mhu tard wisq. Bdejt insib ftit ħin għalija nnifsi, għaraft il-bżonn li nitlob l-għajnuna u minn dak inhar il-ħajja tal-familja tagħna reġgħet bdiet tara d-dawl. Fuq kollox binti b’diżabilità għamlet ħafna ħbieb ġodda u llum Dar il-Kaptan hija t-tieni dar tagħha,” temmet tgħid l-omm.
Min jixtieq jikseb aktar informazzjoni jista’ jċempel fuq 2145 0103/4, fuq mowbajl 7939 7265 jew billi jibgħat email fuq info@darilkaptan.org.