Il-Ministeru għall-Għawdex flimkien mal-Awtorità tad-Djar issiġillaw ftehim biex l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali f’Għawdex tiftaħ l-ewwel dar fil-komunità għal nies bi problemi ta’ saħħa mentali f’Għawdex.
Din id-dar li se tkun fl-Għarb mistennija toffri bosta servizzi fosthom dak ta’ riabilitazzjoni f’ambjent ta’ komunità.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet: “illum qegħdin inħabbru proġett ġdid ta’ dar fil-komunità li se tkun ddedikata għas-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità fejn ħa nkunu qegħdin noffru ċentru għal kriżijiet li jinħolqu minn żmien għal żmien kif ukoll bħala respite u servizzi għal matul il-jum u wkoll fejn anka jkun hemm post biex il-persuni jiltaqgħu, jissoċjalizzaw u jitgħallmu mingħand xulxin”
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li bħalma ġara f’Malta fejn ġew żviluppati numru ta’ djar b’housing speċjalizzat l-istess ġara f’Għawdex f’residenza li kienet meqjusa bħala kbira wisq sabiex tinagħta lil benefiċċarju wieħed.
Galdes tenna: “aħna commited li anke mhux biss kif għamilna Malta imma wkoll Għawdex inkomplu nsaħħu dawn is-servizzi u naħdmu id f’id mal-NGOS li qed joffru servizz importanti għall-iżvilupp soċjali u ngħinuhom ukoll permezz tal-akkomodazzjoni soċjali.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali f’Għawdex qalet wara disa’ snin mit-twaqqif tagħha, il-ħolma tal-Assoċjazzjoni saret realtà permezz ta’ dan il-ftehim li se jkompli jkattar l-għarfien u jagħti aktar indipendenza lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.
Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-awtorità tad-djar Leonid Mackay qal li hu ta’ sodisfazzjon li permezz ta’ proprjetà li daħlet mill-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, skema li tinkoraġġixxi sidien ta’ proprjetà residenzjali vojta u privata biex jikruha lill-Awtorità tad-Djar se jkun qiegħed jitwettaq dan il-proġett innovattiv.
Sostna li ċ-ċavetta ta’ din id-dar se tiftaħ bibien ġodda lil persuni li se jkunu qegħdin jirċievu s-servizz li jeħtieġu qalb il-komunità.