Ix-xogħlijiet fuq il-librerija tal-iskola primarja fil-Kulleġġ Maria Reġina tal-Mosta jinsabu fl-aħħar stadji.
B’fondi mogħtija mill-Aġenzija Residenza Malta, l-iskola qed issaħħaħ l-ambjent tat-tagħlim bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-għodod tal-litteriżmu li għandha.
Il-proġett fil-librerija qed isir b’investiment ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro, u x-xogħlijiet jinkludu d-dekorazzjoni mill-ġdid tal-ħitan, installazzjoni ta’ madum, pannelli ġodda bi dwal LED u xkaffi tal-injam għal titli ġodda ta’ kotba.
Patrick Decelis, il-Kap tal-Kulleġġ Maria Reġina, spjega kif din il-librerija se titgawda minn aktar minn tliet mitt student ta’ bejn it-tmien snin u l-għaxar snin.
Qal, “Hawnhekk fl-iskola tal-Mosta, il-librerija kellha bżonn dawra tajba issa nqalgħet mill-qiegħ u sar l-ambjent isbaħ, saqaf ġdid, art ġdida u anki ħa tinbidel l-għamara u l-kotba biex it-tfal ikunu iktar għal qalbhom ġewwa din il-librerija, jaqraw iktar għax l-iskop tagħna huwa li jaqraw iżjed biex b’hekk ikollna edukazzjoni aħjar.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta qal li dan il-proġett jixhed il-valuri wara r-raġuni għaliex twaqqfet l-Aġenzija, għaliex id-dħul iġġenerat mill-programmi ta’ residenza qed tgawdi minnu l-komunità.
Spjega, “Proġett iffinanzjat mill-programm ta’ residenza b’investiment. Dan huwa mod tanġibbli kif dawn il-programmi qed iħallu ġid fil-komunità Maltija.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat qal li l-infiq fuq l-edukazzjoni huwa wieħed mill-aqwa investimenti li jista’ jagħmel il-Gvern, u li jħalli riżultati f’diversi oqsma ta’ żvilupp soċjali.
Qal, “Qed naħdmu biex nattiraw l-investiment biex imbagħad dak l-investiment ninvestuh lura fil-komunità, fl-edukazzjoni ta’ wliedna, biex ikollhom din il-librerija ferm iktar attrezzata u moderna biex inkomplu ngħinuhom fl-istudji tagħhom.”