Fi żmien erba’ ġimgħat, mistenni jkun lest ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ San Ġwann Battista fis-Siġġiewi.
Proġett fost il-71 li qed jaħdem fuqhom id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Din il-kappella fil-qalba tal-pjazza Siġġiwija nbniet fl-elf seba’ mija u tletin fuq stil barokk, u tfakkar il-martirju ta’ San Ġwann il-Battista.
Ix-xogħlijiet qed isiru fuq il-faċċata ewlenija tal-kappella, u qed jintuża materjal biex jillimita l-interventi irriversibbli.
Il-Perit Mark Azzopardi spjega li minn meta nbniet il-kappella fil-bidu tas-seklu tmintax, saritilha ħsara kbira – primarjament minħabba l-umdità.
Spjega li x-xogħol ta’ restawr beda f’Settembru li għadda, kemm fuq in-naħa ta’ fuq tal-kappella, kif ukoll fin-naħa t’isfel.
“Kien hemm xogħlijiet limitati ta’ tikħil u tibdil ta’ ġebel f’ċertu postijiet. Fil-partijiet t’isfel imma r-restawr inkluda iżjed tibdil ta’ ġebel u dik il-fażi qed nagħmlu bħalissa, qed ngħalqu x-xogħlijiet fin-naħa t’isfel biex inlestu dak it-tip t’intervent u nikkonkludu bit-tikħil biex ngħalqu l-proġett,” qal il-Perit.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan huwa wieħed fost għexieren ta’ proġetti li għandhom l-għan li jipproteġu u jsaħħu l-patrimonju ta’ pajjiżna, biex dan ikun verament disponibbli għal kulħadd – speċjalment għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“Aħna għandna ħafna patrimonju storiku li jagħmilna differenti bħala pajjiż jagħmilna uniku fl-attrazzjonijiet li noffru u rridu nibżgħu għalihom u jiena kuntent ħafna bix-xogħol li għaddej tant li d-Direttorat tar-Restawr waħdu mingħajr ma nqisu entitajiet oħra, qed jagħmel bħalissa 71 proġett ta’ restawr u dan kollu juri x-xogħol li qed isir biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem,” saħaq il-Ministru.